Inawgurati żewġ proġetti f’Għawdex

F’ Ta’ Kerċem, saru xogħolijiet ta’ tisbiħ fuq niċċa tal-Madonna tal-Karmnu, liema xogħolijiet saru mill-Kunsill Lokali ta’ Kerċem b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u l-Għaqda Wirt Għawdex.

Il-Ministru Giovanna Debono qalet li din hija okkażjoni li tixhed l-impenn tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem fir-rigward tal-ħarsien u l-konservazzjoni tal-patrimonju storiku u kulturali tal-lokalita’. Qalet li minkejja ċ-ċokon tal-gżira Għawdxija, il-lokalitajiet Għawdxin huma mogħnija b’siti storiċi u attrazzjonijiet naturali.

Intant fix-Xewkija, l-istess Ministru għal Għawdex inawgurat grawnd ġdid tal-futbol b’turf sintetiku u ristrutturar ieħor fil-faċilitajiet tax-Xewkija Tigers. Liema proġett sewa madwar €120,000. Ix-xogħolijiet ġew ikkoordinati mill-istess klabb tal-futbol b’għajnuna finanzjarja mill-Ministeru għal Għawdex, il-Fond għall-Kawżi Ġusti tal-Lotteriji Nazzjonali, il-Kunsill Lokali tax-Xewkija u l-Malta Football Association.