Inawgurati l-uffiċini ġodda tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fir-Rabat Għawdex

Waqt it-tnedija tal-uffiċini ġodda Fondazzjoni Valletta2018 fir-Rabat, Għawdex il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis sostna li minħabba d-diversi proġetti li se jagħmlu mill-Belt Valletta ċentru ta’ eċċellenza, inħasset il-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni kollettiva bejn il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Fondazzjoni Valletta 2018.
Il-Fondazzjoni qed tifrex il-ħidma tagħha lil hinn mill-Belt Valletta biex il-proġett ikun tal-pajjiż kollu.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li din il-fondazzjoni qed tespandi l-ħidma tagħha b’numru ta’ uffiċini reġjonali fosthom f’Għawdex.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu laħqet ftehim mal-Fondazzjoni fejn għal dawn it-tliet snin se tkun qed tipprovdi spazju fir-Rabat.
Sadanittant, waqt żjara li l-Ministru għat-Turiżmu għamel f’boutique hotel fin-Nadur, qal li fl-aħħar sena u nofs, l-MTA rċeviet numru sabiħ ta’ applikazzjonijiet għal stabbilimenti ta’ akkommodazzjoni żgħar.
Ħafna minn dawn il-propjetajiet għandhom il-potenzjal li jsiru boutique accommodation jew boutique hotels.
Għalkemm dawn it-tip ta’ hotels ilhom popolari fl-Ewropa, f’Malta bdew deħlin bilmod f’dawn l-aħħar snin.

Ritratt: MGOZ – George Scerri