Inawgurati l-uffiċini ġodda ta’ Identity Malta fl-Imsida

DOI - James Galea

Is-Segretarju Parlamentar għaċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli inawgurat l-uffiċini l-ġodda ta’ Identity Malta fl-Imsida.

Fi stqarrija ġie spjegat li dan seħħ wara li l-aġenzija ħasset il-ħtieġa li tibda topera minn post ġdid, minħabba li l-postijiet li kienet qed topera fihom ma kienux qed jaqdu l-funzjonijiet tal-aġenzija bl-aħjar mod fid-dawl taż-żieda fid-domanda għas-servizzi offruti minnhom.

Farrugia Portelli ħabbret li wara li t-Taqsima tal-Espatrijati u s-Central Visa Unit ġew rilokati fil-binja l-ġdida, fix-xhur li ġejjin imiss l-Uffiċċju tal-Passaporti, ir-Reġistru Pubbliku u t-Taqsima taċ-Ċittadinanza biex joħorġu minn Evans Building u jiġu rilokati f’binja oħra aktar moderna u adattata fil-Marsa.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta, Anton Sevasta u ċ-Chairman non-Eżekuttiv Dr Ian Castaldi Paris li tkellmu fuq il-miri tal-aġenzija biex timxi ‘l quddiem.