Inawgurati l-ewwel magni favur l-ambjent li jitimgħu lill-annimali f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, inawguraw l-ewwel eco-friendly feeding machines għall-klieb u għall-qtates tat-triq madwar il-gżira Għawdxija.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li s-sezzjoni tal-Ħarsien tal-Annimali fi ħdan id-Direttorat ta’ EcoGozo fil-Ministeru għal Għawdex introduċiet dawn it-tliet magni tal-ikel madwar Għawdex li jagħmluha possibbli biex in-nies jiddisponu minn fliexken tal-plastik vojta u jingħataw ikel għall-klieb u għall-qtates tat-triq. L-ikel jinżel fi skutelli fil-parti t’isfel tal-magni li huma wkoll eco-friendly għaliex jaħdmu permezz tal-enerġija solari.

Il-Ministru Camilleri stqarr li “din l-inizjattiva se tgħin sabiex jitnaqqsu għadd ta’ fliexken tal-plastik fit-toroq tagħna waqt li fl-istess ħin inkunu qed nitimgħu lill-annimali li huma tant għal qalb il-poplu tagħna.” Ħabbar li dawn it-tliet magni se jitpoġġew fiż-żona tal-parkeġġ tar-Rabat, fiż-żona tal-parkeġġ ta’ Marsalforn u fil-Marina tal-Imġarr, iż-Żewwieqa. Spjega li dawn il-postijiet intgħażlu peress li hemmhekk hemm ammont kbir ta’ qtates tat-triq.

Dr Lydia Abela qalet li, “Mill-plastik li tant jagħmel ħsara lill-ambjent, dan il-proġett pożittiv se jagħti lir-residenti ikel għall-annimali li tant isebbħu lill-ambjent”. 

Apparti din l-inizjattiva, f’Għawdex hemm il-pjanijiet li jinħolqu iktar dog parks u cat cafes. Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll li l-Ministeru għal Għawdex se jniedi inizjattiva biex jappoġġja lil dawk li jitimgħu lill-qtates madwar Għawdex billi jħeġġiġhom jirreġistraw mal-Animal Welfare, u jingħataw vawċers għan-neutering tal-qtates b’xejn kif ukoll għajnuna għall-ikel tal-qtates irreġistrati u neutered.

Waqt din it-tnedija li saret fis-sezzjoni tal-Animal Welfare, fl-Experimental Farm, ix-Xewkija, il-Ministru u Dr Abela żaru wkoll l-annimali li qed jinżammu fl-Animal Welfare ta’ Għawdex. Barra minn hekk, ippreżentaw vawċers lil dawk li jitimgħu l-annimali sabiex ikunu jistgħu jsarrfuhom f’ikel għall-klieb u għall-qtates tat-triq.

Din il-mawra s’Għawdex wasslet biex il-familja Abela żżid membru ġdid fil-familja tagħha, il-kelb Buttons.