Inawgurata t-tieni fażi tal-‘Kitchen Garden’

Fil-ġonna ta’ San Anton ġiet inawgurata t-tieni fażi tal-Kitchen Garden mill-President tar-Repubblika Dr George Abela fil-preżenza ta’ numru ta’ tfal mill-iskejjel rispettivi tagħhom. L-estensjoni tal-Kitchen Garden tinkludi zona ġdida fejn jilgħabu t-tfal u passaġġ minn fejn il-viżitaturi jistgħu jimxu fl-għelieqi fejn jikbru l-ħxejjex staġjonali.

Il-President ħeġġeġ lill-pubbliku ġenerali sabiex iżur il-ġnien u jagħmel użu mill-kafetterija li hemm fil-ġnien. Il-qliegħ li ġġenerat il-kafetterija f’dawn l-aħħar 18-il xahar wassal biex setgħet tiġi miftuħa din it-tieni fażi waqt li minn issa ‘l quddiem, il-qliegħ kollu se jmur għall-Malta Community Chest Fund. Barra minn dan wieħed jista’ wkoll jagħmel użu minn gym apposta li ġie żviluppat b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Isport.