Inawgurata sistema ġdida ta’ WiFi fid-Dar tal-Providenza

DOI - Clodagh O'Neill

Read in English.

Ġiet inawgurata sistema ġdida ta’ WiFi fid-Dar tal-Providenza.

Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-President u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali qalu li l-MITA għadha kemm temmet investiment ta’ €100,000 f’sistema ġdida ta’ WiFi għall-impjegati u r-residenti ta’ din id-dar.

Il-President George Vella li nawgura s-sistema faħħar l-idea ta’ dan il-proġett u qal li permezz tiegħu d-Dar tal-Providenza hi kollha WiFi enabled, fejn kemm il-ħaddiema, kif ukoll ir-residenti u l-viżitaturi jistgħu jużaw is-servizz tal-WiFi meta jkunu qegħdin fid-dar.

Intqal li dan il-proġett sewa lill-aġenzija ‘il fuq minn €100,000 u ħadmu fuqu iktar minn 200 ħaddiem. Il-ħaddiema tal-aġenzija taw sigħat sħaħ ta’ xogħol b’mod volontarju sabiex ġiet installata din l-infrastruttura ġdida f’madwar 11-il blokka. F’dan il-proġett intużaw ‘il fuq minn 10 kilometri ta’ cables tad-data, 400 punt tad-data u 60 WiFi access point. Il-ħaddiema ta’ MITA offrew ‘il fuq minn 2,000 siegħa ta’ ħidma volontarja.

Għal din l-inawgurazzjoni attendew ukoll il-Monsinjur Charles Cordina u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Fr Micallef irringrazzja lill-MITA u lill-gvern għall-għajnuna tagħhom f’dan il-proġett u matul is-sena.

F’Jannar inġabret is-somma rekord ta’ €1,275,442 waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid-Dar tal-Providenza.