Inawgurata sistema ġdida ta’ moniteraġġ fl-Awtorità tax-Xandir

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca inawgurat sistema ġdida ta’ moniteraġġ fl-Awtorità tax-Xandir f’għeluq it-53 anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità. 
Coleiro Preca qalet l-Awtorità, bil-għan li tagħmel moniteraġġ għall-imparzjalità tal-mezzi tax-xandir f’pajjiżna, qed tkun proattiva billi ssib metodi ġodda kif tagħmel dan b’mod mill-iktar professjonali.
Il-President qalet li importanti li l-mezzi tax-xandir, filwaqt li jkunu imparzjali, għandhom jirrispettaw l-etika speċjalment fil-konfront ta’ gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, speċjalment fejn jidħlu tfal u persuni b’diżabilità.
Ic-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir, Anthony Tabone spjega kif permezz ta’ kuntatti bilaterali mal-Awtorità Regolatorja tal-Ungerija, l-Awtorità tax-Xandir Maltija akkwistat sistema moderna ta’ moniteraġġ li se tkompli tilqa’ għax-xogħol kbir li għandha. 
Huwa spjega kif bħalissa l-Awtorità tax-Xandir Maltija qed tassisti lill-Moldova biex issaħħaħ l-awtorità regolatorja tagħha.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott