Inawgurata s-sena ġudizzjarja tat-Tribunali Ekkleżjastiċi

Ritratt: knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Erbgħa, it-Tribunali tal-Knisja tal-Provinċja Ekkleżjastika Maltija ċċelebraw l-inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta.

Il-Lectio Magistralis din is-sena ngħatat mill-Arċisqof Charles Scicluna fejn spjega kif id-dokument leġiżlattiv tal-Papa Franġisku Vos estis lux mundi (Intom id-Dawl tad-Dinja) daħal fis-seħħ u kif intlaqa’ mill-Knisja. Dan id-dokument importanti daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2019 u jinkludi normi proċedurali li jorbtu lill-Knisja Kattolika madwar id-dinja. Dawn in-normi u regoli għandhom l-iskop li jiġġieldu l-abbuż sesswali, l-aktar dak tal-minorenni u l-adulti vulnerabbli, u jiżguraw li l-isqfijiet u s-superjuri reliġjużi jinżammu kontabbli għall-imġiba tagħhom f’dan ir-rigward.

Intant, il-Vigarji Ġudizzjali tat-tliet Tribunali Ekkleżjastiċi taw il-kontribuzzjonijiet tagħhom dwar it-Tribunal Reġjonali tal-Appell, it-Tribunal Metropolitan ta’ Malta, u t-Tribunal Djoċesan ta’ Għawdex. Il-Vigarji Ġudizzjali aġġornaw ukoll lil dawk preżenti dwar il-ħidma li t-Tribunali tagħhom wettqu matul l-2019. Dan hu mezz kif it-Tribunali jkunu kontabbli u trasparenti fil-ħidma tagħhom, skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku. Huma rringrazzjaw ukoll lill-ħaddiema tat-Tribunali u lil tant kollaboraturi oħra li jaqdu lill-Poplu t’Alla f’din il-ħidma tant delikata u fl-istess ħin tant bżonjuża.