Filmat: Inawgurata residenza ġdida għal single mothers refuġjati

L-Arċisqof Charles Scicluna inawgura d-dar Blessed Gerard Residence li se tkun qed tilqa’ fiha ommijiet refuġjati li qed irabbu lil uliedhom waħedhom. Ir-residenza tinsab fi Gwardamangia u qabel kienet tintuża bħala l-post minn fejn kien isir ix-xogħol tal-Meals on Wheels meta dan il-proġett kien għadu taħt l-amministrazzjoni tal-Maltese Cross Corps.

Il-proġett twettaq mill-Maltese Cross Corps flimkien mal-Kummissjoni Emigranti u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ Malta.

Waqt iż-żjara tiegħu, l-Arċisqof qal li qed jieħu pjaċir li dan huwa l-mod kif qed ikun iċċelebrat id-900 sena tal-Beatu Gerard. Irringrazzja lill-Maltese Cross Corps ta’ dan il-proġett u qalilhom li huma jgħamlu lis-salib ta’ Malta kburi. Hu bierek il-post u kixef il-lapida tal-proġett.

F’diskors aktar tard, l-Arċisqof qal li dak li kien qed jagħmel il-Maltese Cross Corps bil-proġett tal-Meals on Wheels kien ġest nobbli u ma kienx proġett ikkumerċjalizzat. Sostna li wara li dan ittieħed f’idejn il-Gvern spiċċa sar proġett ikkumerċjalizzat. L-Arċisqof qal li minkejja li l-Maltese Cross Corps iħoss li dan il-proġett qed jgħin biss grupp żgħir ta’ nies, l-importanti huwa li l-bidla li dan il-proġett qed jagħmel fil-ħajjiet tal-persuni li qed jibbenefikaw minnu u li se jkunu qed jibbenefikaw minnu.

Preżenti għal dan il-ftuħ kien hemm żewġ nisa u t-tfal tagħhom. Dawn, flimkien ma’ mara oħra, se jkunu qed jgħixu fir-residenza. Refuġjata li tkelmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li tinsab ferm grata għall-ġenerożità li wera magħha l-poplu Malti fis-seba’ snin li ilha tgħix Malta.

Saviour Farrugia, is-Segretarju Amministrattiv tal-Maltese Cross Corps tkellem dwar kif dan il-proġett segwa lil proġett preċedenti tal-Meals on Wheels. Il-proġett li kien immexxi minnhom kien qassam mal-miljun ikla. Fl-2017, il-Gvern Malti ħa f’idejh dan il-proġett u l-Maltese Cross Corps xtaqet issib proġett ieħor fejn jinvesti l-ħin tiegħu. Dan wassal għall-ftuħ ta’ din id-dar wara evalwazzjoni ta’ diversi proġetti li ma sabux biżżejjed voluntiera għalihom.

Qal li l-pandemija ħolqot problemi ġodda hekk kif filwaqt li kienu se jiġu ħaddiema minn barra biex jagħmlu l-proġett, l-ivvjaġġar kellu jitwaqqaf u b’hekk il-proġett kellu jinħadem minn persuni differenti.

Kompla jgħid li l-Kummissjoni Emigranti identifikat it-tliet single mothers li hemm jgħixu f’din ir-residenza. Huma kollha għandhom kmamar tas-sodda separati, u żona komuni b’mejda tal-ikel u salott u kċina. Hu rringrazzja lil dawk kollha li għenu biex dan il-proġett isir realtà.

Irrimarka li kien hemm min ilmenta li dan il-proġett kien qed isir biex jgħin lill-barranin u mhux il-Maltin. Hu qal li filwaqt li ġeneralment il-Maltin isibu l-għajnuna li jkollhom bżonn, dawn il-persuni jaf isibuha aktar diffiċli biex isibu l-għajnuna li hemm bżonn.

Parti mill-għan tal-proġett huwa li jagħtu l-għajnuna lil dawn l-ommijiet sakemm isiru aktar indipendenti u jkunu jistgħu jibdew jgħixu għal rashom biex minflokhom jingħataw għajnuna aktar single mothers fil-bżonn.

Filmat: Miguela Xuereb

Il-Monsinjur Alfred Vella mill-Kummissjoni Emigranti fakkar dwar it-tema tal-Ħadd li ġej, fejn se jkun qed jiġi mfakkar il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati. Hu qal li hemm bżonn li nilqgħu,nifhmu, ngħinu u nintegraw lil dawn il-persuni. Sostna li hemm bżonn nilqgħu lil dawn il-persuni mingħajr preġudizzju, li nifhmu l-esperjenzi goffi u qarsa li jkunu għaddew minnhom, li ngħinu mill-ftit li nistgħu, u li nintegrawhom fil-komunitajiet tagħna.

Filmat: Miguela Xuereb

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ Malta Daniel Depetri Testaferrata qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Ordni ta’ Malta wara t-telfa tagħhom sabu r-raġuni tal-eżistenza tagħhom billi bdew jagħtu l-għajnuna lill-morda u lill-foqra. Qal li issa, l-Ordni ta’ Malta, qed taħdem biex tipproteġi lill-morda u lill-foqra u tissalvagwardja r-reliġjon Kattolika. Sostna li permezz ta’ din id-dar, u permezz ta’ dan il-proġett, qed isir eżattament dan.

Filmati: Miguela Xuereb