Aġġornata (2): Inawgurata l-power station tal-Electrogas, il-PN jgħid li hi monument tal-korruzzjoni

Ingħalqet il-power station li taħdem bil-heavy fuel oil wara 25 sena biex issa Malta se tibda tiġġenera l-elettriku bil-gass permezz tal-Electrogas.
Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li fis-7.15pm tefa’ l-impjant l-antik tal-power station ta’ Delimara.
Flimkien maż-żewġt itfal minn Marsaxlokk u Birżebbuġa, il-Prim Ministru għalaq il-valv li minnu kien jgħaddi l-heavy fuel oil fl-ewwel power station mibnija f’Delimara.
“Ingħalqet darba għal dejjm il-fabbrika tal-kanċer” -PM
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li llum ingħalqet darba għal dejjem, dik li sejjaħ bħala fabbrika tal-kanċer, hekk kif Malta qalbet fuq produzzjoni ta’ enerġija nadifa.
Spjega li l-Gvern mexa fuq road map speċifika biex idawwar kumpanija li kienet se tfalli għall-kumpanija li bdiet tagħmel il-qligħ, filwaqt li traħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
“Il-proġett ħa aktar żmien milli mistenni” -PM
Il-Prim Ministru qal li huwa veru li l-proġett ħa aktar żmien milli mistenni biex iseħħ, madankollu żied jgħid li l-Gvern ried jara li l-proġett ikun skont standards internazzjonali b’approvazzjoni mill-Unjoni Ewropea.
Żied jgħid li filwaqt li n-nies jirrikonoxxu li l-Gvern għamel xi żbalji, b’uħud minnhom goffi, in-nies tirrikonoxxi t-tajjeb ta’ dan il-Gvern, li bidel id-direzzjoni tal-pajjiż u għamel suċċess.
Qal ukoll li l-poplu jifhem li dan il-Gvern mhu se jħalli lil ħadd ireġġa’ l-arloġġ lura.
“Nitlob maħfra f’isem amministrazzjonijiet preċedenti” -PM
Filwaqt li talab maħfra f’isem amministrazzjonijiet preċedenti, lill-familji ta’ Marsaxlokk, ta’ Birżebbuġa u tal-madwar, minħabba diversi ħsarat li sofrew, il-Prim Ministru qal li b’dan il-proġett il-familji jistgħu jserrħu rashom li wliedhom u wlied uliedhom jistgħu jgħixu ħajja aħjar u aktar nadifa.
Dr Muscat ħabbar li fi ftit xhur se jibda wkoll il-proċess biex titwaqqa’ ċ-ċumnija ta’ Delimara. Żied jgħid li għaddej ix-xogħol biex fi żmien qasir jitlesta l-pipe line tal-gass mal-Italja.
“Privileġġat li kelli sehem f’dan il-proġett mal-Prim Ministru” – Konrad Mizzi
Min-naħa tiegħu, il-Ministru bla Portafoll, Konrad Mizzi innota li l-impjant tal-gass kien wieħed mill-pjanijiet prinċipali tal-manifest elettorali tal-Gvern. Huwa qal li jħossu privileġġjat li kellu sehem f’dan il-proġett flimkien ma’ Joseph Muscat.
Qal li l-Gvern irnexxielu jraħħas it-tariffi tal-enerġija, jipprovdi enerġija nafida, jagħlaq il-power station tal-Marsa u neħħa darba għal dejjem l-użu tal-heavy fuel oils.
“Il-kostruzzjoni tal-impjant ħadet tliet miljun siegħa xogħol” – Frans Doffler
Min-naħa tiegħu Frans Doffler, il-Kap Eżekuttiv tal-Electrogas qal li l-kostruzzjoni tal-impjant ħadet tliet miljun siegħa xogħol.
“Ġie inawgurat il-monument tal-korruzzjoni ta’ Dr Muscat” – PN
Il-Partit Nazzjonalista qal li llum ġie inawgurat il-monument tal-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat.
Fi stqarrija, il-PN qal li Dr Muscat rabat lil Malta li tixtri l-elettriku minn din il-power station għal 18-il sena sħaħ bi prezz doppju li jinxtara mill-interconnector.
Temm jgħid li l-Prim Ministru biegħ l-Enemalta għal €320 miljun u li l-persuna li nnegozja magħha nqabdet b’kumpanija sigrieta miftuħa mill-konsulent tal-Prim Ministru fil-British Virgin Islands.
"Il-Gvern għalaq il-monument tal-koruzzjoni u l-mard"
B'reazzjoni għall-PN, il-PL qal li bit-tmiem tal-heavy fuel oil dan il-Gvern għalaq il-monument tal-korruzzjoni u l-mard billi qaleb għall-gass.
Fi stqarrija, il-PL qal li l-użu tal-heavy fuel oil mhux biss fisser tniġġiż u kontijiet ogħla, iżda eluf ta’ ewro mħallsa f’kummissjonijiet każ li llum qiegħed il-Qorti.
Temm jgħid li dan il-Gvern biss huwa garanzija ta’ arja nadifa u kontijiet orħos għax l-Oppożizzjoni hija biss garanzija li nerġgħu nreġġgħu l-arloġġ lura.