Inawgurata l-kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb Għawdex

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said inawgura r-restawr tal-kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb Għawdex wara li fuqha sar proġett bħala parti minn proġett ikbar li qed iwettaq il-Kunsill Lokali tal-Għarb b’fondi tal-UE u tal-Gvern Malti.

Il-proġett, bl-isem Għarb’s Cultural and Touristic Conservation Project, jinvolvi l-investiment ta’ iktar minn €600,000. Ir-restawr tal-kappella ta’ San Dimitri kien biss wieħed minn ħames elementi tal-proġett. Il-kappella ta’ San Dimitri, hija waħda mill-kappelli fil-kampanja li huma l-iktar imfittxija minn turisti imma anke minn Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru Chris Said faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Għarb u tas-Sindku David Apap Agius. Il-Ministru semma l-għajnuna min-naħa tal-Gvern lil għaqdiet u lil kunsilli lokali biex igawdu kemm jista’ jkun minn fondi tal-Unjoni Ewropea u semma fost l-oħrajn il-ftuħ ta’ uffiċċju tal-MEUSAC anke f’Għawdex li minnu tingħata b’xejn informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament mill-UE u għajnuna ta’ konsulenti biex l-għaqdiet jew il-kunsilli lokali jimlew l-applikazzjoni tagħhom.

Il-Ministru Said temm jgħid li minn dan il-fond mill-2009 ‘l hawn il-Gvern għen biex jitwettqu 63 proġett jew inizjattiva ta’ kunsill lokali b’valur totali ta’ €18-il miljun kif ukoll lil 45 għaqda volontarja biex iwettqu proġetti b’valur totali ta’ €12-il miljun.