​Inawgurata l-Iskola tal-Arti Viżiva u tal-Ispettaklu

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat inawgura l-Iskola Maltija tal-Arti Viżiva u tal-Ispettaklu.
Waqt l-inawgurazzjoni, Muscat qal li din l-iskola hija parti minn viżjoni wiesgħa li għandu l-Gvern għaż-żgħażagħ Maltin. Qal li jrid ibiddel l-attitudni lejn l-edukazzjoni u l-arti.
Skont Muscat, The Malta Visual and Performing Arts School se tkun il-bidu ta’ bidla pożittiva ħafna.
Il-Prim Ministru rrimarka li għal ħafna snin, l-arti kienet xi ħaġa li l-istudenti jagħmlu wara l-iskola. Żied jgħid li din l-iskola qed toħloq esperjenza ta’ tagħlim fejn l-attenzjoni ewlenija tkun fuq l-arti, u qed jiġi integrat ukoll il-kurrikulu akkademiku. Muscat stqarr li “dan se jwassal biex l-istudenti ta’ din l-iskola jkollhom il-bibien miftuħa beraħ għal dak kollu li jixtiequ jimmiraw għalih kemm f’Malta kif ukoll fuq livell internazzjonali.”
Intant, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li din l-iskola qed toħloq esperjenza edukattiva tajba mmirata lejn studenti li għandhom aspirazzjonijiet fl-arti, fil-mużika, fid-drama, fiż-żfin, u fil-midja. Il-Ministru stqarr li huwa ta’ pjaċir li jżur skola u jara lill-istudenti bi tbissima, u li dan huwa l-aqwa ċertifikat tal-opportunità li qed tiġi offruta lill-istudenti Maltin. 
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għall-Valletta 2018 Deo Debattista.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri