Inawgurata l-iskola Primarja tal-Qawra wara snin ta’ stennija

“Tliet snin tard” - il-PN dwar il-ftuħ tal-iskola

Qawra Primary School
DOI - Kevin Abela

Read in English.

Ġiet inawgurata l-iskola Primarja ġdida tal-Qawra. L-iskola hija mibnija fuq erba’ sulari u se jkollha 39 klassi b’interactive whiteboards u faċilità ta’ arja kkundizzjonata, laboratorji għal tagħlim vokazzjonali, ċentru għall-ħarsien tat-tfal u kindergarten.

Il-ftuħ tagħha sar dalgħodu mill-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici fejn qalu li dan sar b’investiment ta’ madwar €13-il miljun.

Il-Gvern fi stqarrija qal li din l-iskola l-ġdida, fil-jiem li ġejjin se tilqa’ l-ewwel studenti fiha u għandha bosta faċilitajiet oħrajn, fosthom sala kbira ħafna, faċilitajiet tal-parkeġġ kif ukoll sportivi, li jistgħu jintużaw ukoll wara l-ħin tal-iskola mill-komunità kollha tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

Dwar il-pandemija, il-PM qal li sar u qed isir xogħol biex l-ambjent ikun sigur kemm għall-istudenti u kemm għall-għalliema fejn iddaħħlu aktar minn 50 miżura biex jiġi assigurat dan.

“Tliet snin tard” – il-PN dwar il-ftuħ tal-iskola

Il-Partit Nazzjonalistas qal li l-ftuħ tal-iskola ġie wara snin ta’ stennija. Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, il-PN qal li din l-iskola nfetħet tliet snin tard.

Puli qal ukoll li l-Gvern qiegħed ħames snin tard fil-bini tal-iskejjel tal-Imsida u tar-Rabat Għawdex għaliex ilhom ħames snin imwiegħda.

DOI – Kevin Abela

L-Iskola tesa’ bejn 500 u 600 tifel u tifla

Min-naħa tiegħi, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici spjega li din hi skola li se tesa’ bejn 500 u 650 tifel u tifla u se tikkumplimenta l-Iskola Primarja li hemm f’San Pawl il-Baħar, liema skola se tibqa’ miftuħa. 

Spjega li din l-iskola għandha wkoll librerija, kindergarten u ċentru għall-ħarsien tat-tfal, u li kull klassi se jkollha l-faċilitajiet sanitarji għaliha biex b’hekk nevitaw li l-istudenti joħorġu mil-lezzjoni. Żied jgħid li l-iskola fiha wkoll parkeġġ mifrux fuq żewġ sulari fuq medda ta’ 15,000 metru kwadru li jesa’ madwar 400 vettura.

Il-Ministru Bonnici qal li l-gvern qiegħed jibni kemm skejjel ġodda skont il-ħtieġa bħal dawk fir-Rabat, Għawdex, u fl-Imsida, kif ukoll qiegħed iwettaq proġetti ta’ tkabbir u mmodernizzar fi skejjel eżistenti bħal dik sekondarja fiż-Żejtun, li mistennija tiġi inawgurata fil-ġimgħat li ġejjin. Żied jgħid ukoll li sal-aħħar tas-sena se tiġi inawgurata wkoll l-iskola tal-arti tal-Belt.