Inawgurata l-Banca Giuratale f’Għawdex wara xogħlijiet

Il-Banca Giuratale t’Għawdex reġgħet ġiet inawgurata wara proġett ta’ tindif u restawr li sar b'għajnuna tal-bank HSBC.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo nnota li x-xogħlijiet kienu jinkludu t-tneħħija tal-cables kollha li kienu mwaħħla mal-binja, it-tneħħija ta’ kisi bis-siment, tindif u bdil ta’ ġebel li kien ġarrab ħsara, manutenzjoni tal-aperturi tal-injam u waterproofing tal-bejt.
Il-Banca Giuratale hi struttura barokka fi Pjazza Indipendenza, fir-Rabat, Għawdex, u matul is-snin serviet bħala l-bażi tal-Universitas t’Għawdex li kien il-gvern muniċipali tal-gżira.
Iktar tard laqgħet l-uffiċċju prinċipali tal-posta u l-Kunsill Ċiviku t’Għawdex. Illum hi l-uffiċċju tal-Kumitat Organizzattiv tal-Kultura u tal-Kunsill Lokali tal-belt Victoria.
L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru Anton Refalo u minn Andrew Beane, Kap Eżekuttiv tal-bank HSBC.
Ritratt: MGOZ – George Scerri