Inawgurata l-Awtorità għall-Ippjanar il-ġdida li se tieħu post il-MEPA

Ġiet inawgurata l-Awtorità għall-Ippjanar il-ġdida li se tkun qed tieħu post il-MEPA. 
Waqt l-inawgurazzjoni s-Segretarju Parlamentari Dr Deborah Schembri qalet li “Il-MEPA dejjem kellha l- fama ta’ proċessi burokratiċi u li jieħdu ż-żmien u l-għan tagħha hu li nbiddlu dan kollu billi nissimplifikaw il-proċessi u nagħtu servizz fil-ħin”
Spjegat li l-Awtorità tal-Ippjanar se tinkludi time-frames riġidi ġodda li jridu jinżammu. L-Awtorità se tibda timmulta lilha nnifisha f’każ li dan ma jseħħx.
Schembri spjegat kif fl-Awtorità tal-Ippjanar il-ġdida se tagħti poteri ġodda lill-Kunsilli Lokali, li għall-ewwel darba se jibda jkollhom rappreżentant fuq il-bord.
Tenniet li se tingħata vuċi lill-ambjentalisti għaliex fuq il-bord tal-ippjanar se jkun hemm  membru  permanenti mill-awtorità tal-ambjent u żewġ membri fuq il-Kunsill Eżekuttiv.
Se jkun hemm ukoll Kumitat tal-utenti fejn is-socjetà ċivili se tkun tista’ ssemma’ leħinha biex hija stess tirrakkomanda tibdil u tiġdid fejn hemm bżonn.
Temmet tgħid li deċiżjoni tal-ippjanar ma tistax tkun maqtugħa mir-realtà ambjentali u għaldaqstant hija mpenjata li tara li l-iżvilupp iseħħ b’mod sostenibbli għall-benefiċċju ta’ din il-ġenerazzjoni u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Ritratti: OPM_PS