Inawgurata l-1 sala rinovata fl-Isptar Monte Karmeli

Is-Sala San Ġorġ Preca fl-Isptar Monte Karmeli hija l-ewwel sala li ġiet rinovata u fiha se tkun qed tilqa’ 30 pazjent. Din is-sala hija l-ewwel waħda minn pjan ta’ ħames snin li matulhom se jkunu rinovati s-swali kollha ta’ dan l-isptar. Din is-sala ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

Il-pazjenti li se jkunu qed jagħmlu użu minn din is-sala huma fil-maġġoranza tagħhom anzjani u għandhom kundizzjoni kemm ta’ saħħa mentali kif ukoll ta’ mard fiżiku, għalhekk is-sala hija mgħammra b’faċilitajiet li jkopru dawn il-kundizzjonijiet.

Id-Deputat Prim Ministru qal li għal diċenji sħaħ ta’ snin l-isptar kien mitluq, nieqes mill-manutenzjonijiet meħtieġa. Huwa spjega li għaddej proċess skont id-direzzjoni mogħtija fl-Istrateġija għas-Saħħa Mentali għas-snin 2020-2030 biex pazjenti li jistgħu jitpoġġew fil-komunità jinħarġu mill-isptar biex jonqos ir-riskju li jiġu istituzzjonalizzati u hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti.

Huwa qal li s’issa nħarġu mill-isptar 106 resident li tpoġġew f’akkomodazzjoni fil-komunità u b’hekk is-swali li jitbattlu jsir ix-xogħol fuqhom biex jiġu modernizzati u jkunu aktar siguri. Fearne qal li f’nofs Lulju se jkun varat pjan għall-10 snin  li ġejjin. Dan se jwassal biex tkun intensifikata l-ħidma għal aktar kura għas-saħħa mentali fil-komunità u biex jinbena l-isptar il-ġdid għall-kura akuta tas-saħħa mentali ħdejn l-Isptar Mater Dei.

Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ dan l-isptar kif ukoll lill-qraba tal-pazjenti li fehmu ċ-ċirkostazi li kellhom jadmu fuqhom.