Inawgurata għassa mobbli tal-Pulizija f’Wied il-Għajn

Il-Ministru għall-Intern, Manuel Mallia inawgura uffiċjalment għassa mobbli tal-Pulizija f’Wied il-Għajn.
Din l-għassa mobbli se tkun qed issaħħaħ il-ħidma tal-Pulizija f’din il-lokalità.
L-għassa saret minn dar mobbli, li ġiet mibdula biex tinkludi bosta faċilitajiet fosthom sistema tal-kompjuter.
Manuel Mallia qal li għassa mobbli kienet l-aħjar soluzzjoni għall-ħtiġijiet ta’ din il-lokalità.
Sostna li matul is-sena li għaddiet żdiedu l-każi ta’ abbuż fuq uffiċjali tal-Pulizija f’Wied il-Għajn iżda enfasizza li naqsu numru ta’ każi oħra fosthom rapporti ta’ vjolenza domestika.
Intqal li Wied il-Għajn m’għadhix biss lokalità tas-sajf iżda matul ix-xhur tax-xitwa jkun hemm numru ta’ persuni li jżuru l-istabbilimenti kummerċjali.
Il-Ministru Mallia ħabbar li se jsir investiment f’muturi li jaħdmu bl-elettriku f’numru ta’ lokalitajiet.
Qal ukoll li għassa mobbli oħra se tiġi rilokata f’Paceville.
Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru Mallia qal li għadha għaddejja l-analiżi fuq il-konklużjonijiet ta’ rapporti f’żewġ inkjesti li saru.
Dawn l-inkjesti jirrigwardjaw il-każ tal-Ispettur Elton Taliana u l-każ ta’ akkużi fil-konfront ta’ raġel li ħebb għal erba’ uffiċjali tal-Pulizija.
Dawn l-akkużi kienu allegatament twaqqgħu mill-eks Kummissarju Peter Paul Zammit.
Mallia qal li meta tiġi fit-tmiem l-analiżi, il-konklużjonijiet tar-rapporti se jiġu ppublikati. 

Ritratt: Media Police