Inawgurata faċilità għat-tagħsir taż-żebbuġ

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes inawgura faċilità ġdida tat-tagħsir taż-żebbuġ fir-Rabat limiti tas-Siġġiewi.

L-Olive Oil Press tal-aħwa Bezzina saret b’investiment kbir u permezz ukoll tal-għajnuna mill-fondi Ewropej.

Din il-faċilità toffri servizz lill-bdiewa fejn ikunu jistgħu jieħdu l-frott tal-ħidma tagħhom billi ż-żebbuġ jiġi pproċessat.

Fid-diskors tiegħu, Roderick Galdes qal li nistgħu intejbu s-settur agrikolu billi ntejbu s-servizz li nipprovdu u billi jkollna l-faċilitajiet biex nikkompetu.

Galdes qal li s-settur relatat mat-tkabbir taż-żebbuġ mexa ‘l quddiem u rajna wkoll żieda fis-siġar taż-żebbuġ.

Is-Segretarju Parlamentari żvela li fil-jiem li ġejjin, il-Gvern mistenni joħroġ avviż legali b’regolamenti għall-kwalita’ ogħla għal min jinvesti fil-qasam taż-żebbuġ.

Dan sabiex is-settur ikun iktar organizzat. Roderick Galdes qal li l-allokazzjoni tal-fondi Ewropej lill-bdiewa se tikber bi €30 miljun aktar.