Inawgurata Dar Emmaus għall-vittmi tal-vjolenza domestika

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca inawgurat Dar Emmaus, l-ewwel dar għall-ommijiet u l-ulied vittmi tal-vjolenza domestika.
F'Dar Emmaus se jkun qed jingħata kenn temporanju, servizz ta’ counselling, support groups, pariri legali u mediċi kif ukoll għajnuna lit-tfal taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni Kenn u Tama.
Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-mira ta’ din id-dar m’hijiex biss li toffri kenn imma li tipprovdi pjan ta’ kura b’servizzi psikoloġiċi lil dawk li għaddew minn vjolenza domestika.
Il-President Coleiro Preca qalet li l-vjolenza domestika ġġib magħha l-faqar għaliex dawn il-persuni jagħmlu snin twal isofru fis-silenzju qabel ma jkollhom il-kuraġġ li jqumu fuq saqajhom.
Coleiro Preca qalet li minbarra l-fondi, hu importanti li jkunu assigurati pjanijiet ta’ kura biex dawn il-persuni jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

Ritratti: DOI – Jeremy Wonnacott