Inawgurata boutique hotel lussuża fil-Belt Valletta b’investiment ta’ €20 miljun

Il-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjura Lydia Abela jinawguraw boutique hotel lussuża fil-Belt Valletta b’investiment ta’ €20 miljun – se tibda tħaddem 40 ħaddiem

Iniala
Ritratt: Jeremy Wonnacott / DOI

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu s-Sinjura Dr Lydia Abela, inawguraw uffiċjalment il-boutique hotel Iniala Harbour House & Residences li tinsab qrib is-Sur ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta. Huma kienu akkumpanjati mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli.

B’investiment ta’ €20 miljun, din il-lukanda li toffri veduti spettakolari tal-Port il-Kbir għandha l-għan li ġġib lejn pajjiżna turisti ta’ kwalità. Il-lukanda se toffri esperjenza mill-isbaħ lir-residenti li jagħżlu li jqattgħu l-btala tagħhom fil-qalba tal-kapitali Valletta li fl-aħħar snin trasformat ruħha f’belt mill-isbaħ bi proġetti u investimenti pubbliċi u privati tal-ogħla kwalità.

Mgħammra bi 23 kamra state of the art u bi suites distinti, l-estetika hija unika u l-faċilitajiet li r-residenti jsibu fil-kmamar huma fost l-ewwel tat-tip tagħhom f’pajjiżna. Id-disinn tal-kmamar huwa ispirat mill-identità Maltija: b’soqfa magħmulin fuq il-lewn tal-ġebla tal-franka u bil-Funtana Tritoni ssib postha stampata fuq ħajt ta’ waħda mill-kmamar lussużi.

Fl-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjura Lydia Abela awguraw lill-imprenditur u l-fundatur tal-Grupp Iniala Mark Weingard li permezz ta’ dan l-investiment ħoloq 40 impjieg ġdid bl-għadd ta’ ħaddiema mistenni jitla’ għal 60 ruħ.

Huma kellhom iċ-ċans jaraw mill-qrib il-kmamar uniċi li toffri din il-lukanda filwaqt li żaru wkoll ir-ristorant Ion – The Harbour li għandu l-għan li jkun fost l-aqwa ristoranti f’pajjiżna b’servizz eċċellenti.

Mark Weingard qal li l-grupp huwa eċitat li jiftaħ il-bibien ta’ din il-lukanda għar-residenti li se jkollhom iċ-ċans jaraw kif id-disinjaturi rnexxielhom iżewġu l-istorja Maltija mal-innovazzjoni li joffri l-post innifsu. Ftit passi ’l bogħod mil-lukanda, wieħed isib “The Works” – mini gym lussuż li se jkun disponibbli għar-residenti u dawk li jagħżlu li jkunu membri.

Żied li l-ambizzjoni tiegħu u tat-tim hija li jiftaħ il-bibien ta’ pajjiżna għal klassi ġdida ta’ vjaġġaturi internazzjonali: individwi li jfittxu esperjenzi uniċi fis-safar tagħhom u li jagħżlu li joqogħdu fl-aqwa postijiet ta’ akkomodazzjoni.  “Nittamaw li b’dan il-proġett, Malta se tkun destinazzjoni ta’ lussu u li tilħaq ix-xewqat ta’ dawk li jżuru din il-gżira li tant għandha x’toffri,” qal is Sur Weingard.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li lukanda oħra ta’ livell għoli fetħet il-bibien tagħha fil-belt kapitali. Hija qalet kif dan hu eżempju ieħor ta’ kif Malta qed tattira investimenti tal-aqwa livelli li dan jorbot id f’id mal-istrateġija tal-Gvern Malti li tiffoka fuq prodott turistiku ta’ eċċellenza. 

“Dan qed nagħmluh pari passu mal-Istrateġija Nazzjonali li se tkun qed tiġi varata ftit tal-ġimgħat oħra biex inkomplu nattiraw turiżmu sostenibbli u ta’ kwalità,” sostniet Farrugia Portelli. L-esperjenzi li għadda minnhom is-sid ta’ din il-lukanda fil-ħajja personali tiegħu rnexxielhom inebbħuh biex ikabbar l-operat tiegħu anki f’pajjiżna. “Entużjasta li jkollna l-ewwel turisti li jesperjenzaw din il-lukanda b’xenarji u veduti mill-isbaħ u nawgura lit-tim Iniala hekk kif qed jaspira li din tkun fost l-aqwa 10 lukandi fi bliet Ewropej matul is-sena li ġejja,” stqarret il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-lukanda se tiftaħ il-bibien tagħha għada l-Ġimgħa 6 ta’ Novembru 2020.

Din l-istqarrija hija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.