30 vittma tad-droga jgawdu minn immodernizzar fil-Komunità Santa Marija

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon inawgura xogħol ta’ tibdil u mmodernizzar li sar fil-Komunità Santa Marija, residenza li tipprovdi programm ta’ rijabiltazzjoni għal madwar 30 persuna vittmi ta’ droga.

Din ir-residenza toffri tliet fażijiet: l-ewwel wieħed huwa dak tal-‘Evalwazzjoni u Stabilità’ għal dawk il-klijenti li jkunu lestew b’suċċess l-istadju ta’ ditossifikazzjoni f’Dar l-Impenn. F’din il-fażi, il-professjonisti jifhmu aħjar x’wassal lil dik il-persuna biex tispiċċa fil-vizzju, minn att soċjali u bijoloġiku.

Minn hemmhekk tidħol il-fażi terapewtika, fejn l-għan ewlieni huwa li jingħata ambjent pożittiv fejn il-klijenti jitgħallmu jirrispetaw lil xulxin kif ukoll jobdu r-regoli u jifhmu l-konsegwenzi li jistgħu jiffaċċjaw jekk jiksruhom. Matul dan il-perjodu l-klijenti jipparteċipaw flimkien fi gruppi ta’ terapija filwaqt li tibqa’ tingħata terapija individwali.

Dan il-perjodu normalment jieħu xahrejn, u eventwalment iwassal għall-iktar parti importanti: dik tal-integrazzjoni mill-ġdid fil-komunità. F’din il-fażi, il-klijenti jerġgħu lura fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li jibqgħu jagħtu kontribut fil-faċilità sabiex jinżammu l-ogħla standards. F’din il-fażi tibqa’ tingħata t-terapija biex tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-persuni vittmi tal-vizzju fi stadju kritiku.

Intant, l-akbar xogħol infrastrutturali li sar fil-komunità kien proprju f’din l-aħħar fażi tar-rijabilitazzjoni. Għamara u aċċessorji ġodda ħadu post għamara antika, filwaqt li tpoġġew banjijiet, kċina u gym ġdid, fost rinovazzjonijiet oħrajn.

Il-Ministru Michael Falzon qal li jrid li ssir ġustizzja ma’ kulħadd, anke ma’ dawk in-nies li żbaljar aktar minn darba, u li konsegwenza tal-vizzji tagħhom, spiċċaw anke b’reati kriminali.

Huwa faħħar ix-xogħol li qed twettaq l-Aġenzija Sedqa, fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), waqt żjara li għamel lil persuni li qed jagħmlu l-programm. Il-Ministru Michael Falzon fakkar li mis-sena d-dieħla se jibda’ jopera ċ-Ċentru tal-Ibwar li se jilqa’ adoloxxenti bi problemi tad-droga.