Inawgurat proġett ta’ tisbiħ f’sala f’San Vinċenz de Paul

Illum ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ li sar fis-sala l-ġdida St Jospeh 4, fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Din is-sala se tilqa’ 41 klijent u hija mgħammra b’mod li tilqa’ pazjenti morda bid-dimensja. Ix-xogħol kollu sar mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul.

Matul is-sena 2012, 1,492 pazjent ġew trasferiti mill-Isptar Mater Dei għal istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Anzjani. Din is-sena ġew trasferiti 119.

Ir-Residenza San Vinċenz de Paul tilqa’ 1200 klijent u timpjega madwar 1000 persuna. Matul is-sena t-Taqsima tat-Trasport tagħmel madwar 5500 vjaġġ, u jsiru 21,000 siegħa ta’ tindif fis-sena.

Fir-Residenza jinħaslu 700 kilo ta’ ħwejjeġ u drappijiet kuljum, u jinbiddlu aktar minn 2,000 liżar. Il-carers jagħtu kwart ta’ miljun siegħa ta’ xogħol u l-fiżjoterapisti jagħmlu 6,000 viżta kull sena.

It-tim ta’ manutenzjoni tar-Residenza jagħmel 5,500 biċċa xogħol kull sena, filwaqt li s-sezzjoni tad-divertiment jorganizza 2,500 attività.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Mario Galea qal li dawn l-aħħar erba’ snin, il-Gvern żied is-sodod għall-anzjani li jeħtieġu kura fit-tul b’1,020 sodda. Barra minn hekk, 3,000 ħaddiem qed jaħdmu fis-settur tal-anzjani.