Inawgurat pont għall-mixi u ċ-ċiklisti f’Kordin

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu inawgura l-Pont tal-Għaqda f’Kordin għall-mixi u għaċ-ċiklisti b’investiment ta’ €1.6 miljun.

F’konferenza tal-aħbarijiet Dr Abela saħaq fuq l-importanza ta’ toroq aktar siguri speċjalment għall-istudenti li jmorru l-iskola bil-mixi, bir-rota jew inkella bit-trasport pubbliku. Sostna wkoll li t-tneħħija tad-dwal tat-traffiku se twassal għal inqas traffiku, inċidenti u emissjonijiet.

Filwaqt li stqarr li bħala missier jifhem it-tħassib ta’ ħafna ġenituri minħabba l-periklu f’din it-triq, fisser kif dan il-pont issa joffri rotta eħfef u iktar sigura minn Ġnien il-Mediterran għall-MCAST u l-Iskola Mariam Al Batool.  B’kollox ta’ kuljum imorru l-MCAST 9,000 student u 1,000 edukatur.

Il-proġett, li ssemma Pont tal-Għaqda għax se jgħaqqad l-MCAST u Kordin mal-bqija ta’ Raħal Ġdid, jinkludi lifts u rampi kif ukoll dwal adekwat u CCTV. Infrastructure Malta żergħet 150 siġra indiġena u 65 arbuxell.

Flimkien mal-Prim Ministru kien hemm ukoll il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.