Inawgurat park ta’ rikreazzjoni fil-‘Bosk’

Fiż-żona magħrufa bħala “l-bosk” fl-Imtarfa ġie inawgurat park ta’ rikreazzjoni mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Ian Borg. 
Ian Borg qal li permezz ta’ dan il-proġett iż-żona “l-bosk” se tkun ibbenefikat minn diversi interventi sabiex din ż-żona toffri faċilitajiet ġodda għall-familji kollha.
Saħaq kif il-prijorità ewlenija ta’ dan il-bosk kienet l-ambjent naturali.
Spjega li dan il-bosk joffri veduti spettakolari u se jinkludi fih aċċess għall-wifi, installazzjoni ta’ injam sintetiku kif ukoll għamara adattata.
Għal dan il-proġett il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa alloka €270,000 mill-Programm LEADER taħt il-Fond Agrikolu Ewropej għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Stefan Buontempo faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa u fakkar kif diversi kunsilli qed ikunu nvoluti fi proġetti ta’ afforestazzjoni, kif ukoll dawk marbuta mal-ġbir tal-iskart organiku.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari Buontempo ħawwel siġra flimkien mas-Sindku tal-Imtarfa.

Ritratt: DOI- Reuben Piscopo