Inawgurat l-uffiċċju ta’ E-Residence f’Għawdex

Illum infetaħ uffiċjalment l-uffiċċju E-Residence f’Għawdex, li jservi bħala one stop shop għar-residenti barranin li jkollhom xi mistoqsijiet dwar ir-residenza.
L-uffiċċju beda jopera mis-sena li għaddiet u minn Settembru sa Diċembru 2013 irċieva 388 applikazzjoni li ssodisfaw il-kriterji tal-ligi relatata ma’ residenza.
Il-Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo qal li minn meta twaqqaf dan l-uffiċċju, il-persuni qegħdin jinqdew minn Għawdex mingħajr il-bżonn li jmorru Malta. 
Is-servizzi offruti jinkludu applikazzjonijiet għal resident permits, eżaminazzjoni ta’ applikazzjonijiet, reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet fuq l-E-Residence Permit Database, ħruġ ta’ permessi temporanji u jipprovdi wkoll informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza doppja.