Inawgurat l-ewwel uffiċċju tat-turiżmu fil-Kottonera

Fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu ġie inawgurat l-ewwel uffiċċju tat-Turiżmu fil-Kottonera.

Fil-preżent dan l-uffiċċju qed jassiti medja ta’ bejn ħamsin u sittin turist kuljum, bin-numri mistennija jiżdiedu fix-xhur tax-xitwa hekk kif huwa stmat li f’sena dan il-Palazz iżuruh mal-40,000 ruħ.

Dan huwa t-tmien uffiċċju tat-turiżmu li joffri servizz ta’ għajnuna u informazzjoni lit-turisti.

Uffiċċji oħra simili jinsabu fil-Belt Valletta, fl-Imdina, fl-Ajruport Internazzjonali, fil-Mellieħa, fil-Valletta Waterfront flimkien ma’ tnejn oħra f’Għawdex.

L-inawgurazzjoni tal-Uffiċċju fil-Birgu saret mill-Ministru Karmenu Vella fil-preżenza ta’ uffiċjali mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta.

Karmenu Vella qal li l-Gvern irid jiżviluppa kunċett ta’ tourist information network fejn l-uffiċċji kollha jkunu networked biex jipprovdu lit-turist servizz ħolistiku. 

Il-Ministru għat-Turiżmu ddawwar ukoll mal-Palazz fejn seta’ x-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin bħalissa.

Fi tmiem iż-żjara Karmenu Vella kien ippreżentat b’kopja ta’ ktieb dwar il-Palazz tal-Inkwiżitur li Heritage Malta ħarġet riċentament u li jinkludi tagħrif dettaljat dwar il-ħames mitt sena storja ta’ dan is-sit. 

 

Ritratti: Jeremy Wonnacott