Inawgurat l-ewwel sptar għal tfal bil-kanċer fl-Amerika t’Isfel

Waqt l-inawgurazzjoni tal-Isptar Vidawasi fil-Peru aktar kmieni din il-ġimgħa

Aktar kmieni din il-ġimgħa, kien inawgurat l-ewwel sptar fl-Amerika t’Isfel  għal tfal li jbatu mill-kanċer li jinsab fil-Perù. Dan l-isptar hu megħjun mis-Santa Sede.

L-isptar tbierek minn Mons. Nicola Girasoli, Nunzju Apostoli fil-Perù u Mons. Richard Alarcon, Arċisqof ta’ Cusco, qabel ma kien ippreżentat lill-komunità.

L-Isptar ingħata l-isem ta’ “Vidawasi” li tfisser “Dar il-Ħajja” u jinsab fil-belt ta’ Yanahuara fid-distrett ta’ Urusco f’Cusco.

Appoġġ tas-Santa Sede

Il-proġett ta’ Vidawasi għandu l-appoġġ tas-Santa Sede flimkien ma’ appoġġ internazzjonali minn diversi sptarijiet li jispeċjalizzaw fil-marda tal-kanċer, fosthom is-Sant Joan d Deu  Hospital, il-Fondazzjoni Puigvert ta’ Barċellona, it-Teleton Hospital għat-Tfal tal-Messiku, l-Isptar St Jude tal-Istati Uniti u minn esperti tal-onkoloġija minn madwar id-dinja.

Barka għall-Peruvjani

Waqt iċ-ċerimonja tat-tberik tal-isptar il-mistedna kellhom l-okkażjoni jżuru l-blokki tal-amministrazzjoni u tar-rikreazzjoni kif ukoll dak li qed jissejjaħ “il-villaġġ mediku”, villa fejn se joqogħdu l-voluntiera, kappella, il-hostels għall-familji tat-tfal morda li jkun rikoverati fl-isptar.

L-Arċisqof Girasoli qal li l-Vidawasi hu barka għall-poplu tal-Perù għax hu biċċa xogħol magħmula bil-qalb u b’solidarjetà, fejn il-pazjenti ċkejknin morda bil-kankru se jsibu t-trankwillità li għandhom bżonn, grazzi għall-post strateġiku li jinsab fih fil-qalba tal-Wied Qaddis tal-Incas.

Jesús Dongo, fundatur ta’ Vidawasi rringrazzja lill-Knisja Kattolika li kienet waħda mill-ewwel istituzzjonijiet li fetħet idha biex tgħin f’dan il-proġett.  Hu stieden lill-pajjiż kollu biex jingħaqad fil-kruċjata kontra l-kanċer u jkun parti minn dan l-isptar tat-tfal.