Inawgurat l-ewwel ċentru f’Malta għall-interpretazzjoni tal-fortikazzjonijiet

Kien inawgurat l-ewwel ċentru f’Malta għall-interpretazzjoni tal-fortikazzjonijiet. Ix-xogħol sar mid-Direttorat tar-Restawr, fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.

Il-binja magħżula sabiex fiha jsir dan iċ-Ċentru tmur lura għas-seklu 16 u tinsab ħdejnit-taraġ magħrufa bħala ta’ Biagio li jgħaqqad lil Triq San Mark ma Triq Melita fil-Belt Valletta. L-għan ta’ dan iċ-ċentru qed jingħad mhux biss biex juri x’patrimonju għandu l-pajjiż iżda sabiex b’mod interattiv, jeduka u jgħallem aktar dwar l-istorja u l-importanza tal-fortifikazzjonijiet.

L-inawgurazzjoni taċ-ċentru saret mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Iċ-ċentru informattiv seħħ b’investiment ta’ aktar minn 2 miljun ewro, b’ko-finanzjament ta’ 85 fil-mija mill-Unjoni Ewropea. Għall-okkażjoni nġiebu Malta d-disinji oriġinali tal-fortifikazzjonijiet tal-belt Valletta mill-arikitett u inġinier militari Francesco Laparelli li se jibqgħu għall-wiri f’Malta sas-17 ta’ Frar.

Il-pubbliku llum se jkollu l-opportunità jżur iċ-ċentru waqt Open Day sas-7.00 pm, u bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mill-10 am sat-3.30 pm. Id-dħul huwa b’xejn.