Inawgurat it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex

Prime Minister Robert Abela inaugurates the second fibre optic cable between Malta and Gozo Gozo Innovation Hub, Triq il-Pitkalija, Xewkija, Gozo

Read in English.

Matul il-ġurnata tat-Tnejn ġie inawgurat it-tieni fibre optic li jgħaqqad lil Għawdex mal-bqija tad-dinja. Din l-inawgurazzjoni saret mill-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri.

Il-konnettività tat-telekomunikazzjonijiet bejn Għawdex u Malta kienet tiddependi fuq konnessjoni waħda li kienet cable tal-elettriku mikri mill-Enemalta. Minħabba ż-żieda fid-domanda għall-konnettività diġitali aċċessibbli, veloċi u affidabbli, kemm miċ-ċittadini kif ukoll min-negozji, kellu jiġi installat fibre optic cable ieħor li permezz tiegħu se tkun pprovduta iktar komunikazzjoni diġitali u reżiljenti f’Għawdex.

Skont studju li sar fl-2014 ikkonferma li hemm bżonn tiġi indirizzata l-isfida tal-konnettività permezz ta’ intervent mill-istat sabiex tiġi assigurata konnessjoni professjonali bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-Gvern waqqaf il-kumpanija Gozo Fibre Optic Cable Ltd, biex tieħu ħsieb topera u żżomm ir-rabta l-ġdida minn tarf sa tarf. Din il-kumpanija nnegozjat u kkonkludiet b’suċċess ftehim ma’ tliet operaturi tat-telekomunikazzjoni li jeżistu fil-Gżejjer Maltin.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li, “konnessjoni sigura se tipprovdi aktar opportunitajiet f’oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, ittestjar ta’ prototipi ġodda u l-industrija 4.0 fil-manifattura kif ukoll l-industriji marbuta mal-kreattività diġitali, biex insemmi xi wħud. L-attivitajiet u operazzjonijiet li b’mod ġenerali għandhom impatt aktar ikkontrollat fuq l-ambjent.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex se jgħin sabiex ikun attirat aktar investiment f’Għawdex relatat mal-gaming u l-internet u se jwassal biex Għawdex ikollu aċċessibbiltà mal-bqija tad-dinja. Huwa fakkar kif fl-aħħar snin, l-ekonomija f’din il-gżira kibret b’rata mgħaġġla, tant li t-tkabbir ekonomiku kien ikbar minn dak ta’ Malta.

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri stqarr li huwa ta’ sodisfazzjon li wara ħidma ta’ diversi xhur, ġie nawgurat it-tlestija tat-tieni fibre optic cable f’Għawdex. Żied li bħala Ministeru, jemmen bis-sħiħ li dan l-investiment se jsaħħaħ il-kompetittività tal-gżira Għawdxija sabiex tkun tista’ tattira investiment ġdid li jwassal għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’Għawdex.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li b’konnettività b’saħħitha bejn Malta u Għawdex, se jiggwadanjaw kemm in-negozji direttament relatati mat-teknoloġija kif ukoll setturi oħra essenzjali għall-kwalità tal-ħajja. Dawn jinkludu s-saħħa, l-edukazzjoni, il-manifattura u l-industriji kreattivi, fost oħrajn.

Iċ-Chairman tal-Gozo Fibre Optic Cable Ltd Mario Galea qal li, permezz tal-ftuħ ta’ dan il-cable, se jkunu qed jinfetħu opportunitajiet ta’ negozji fl-ekonomija diġitali, fir-remote gaming, fin-niċeċ tad-digital nomads u f’ħafna setturi li jirrikjedu l-appoġġ ta’ digital transmission. Is-Sur Galea qiegħed iħares ’il quddiem sabiex jara l-ekonomija Għawdxija aktar b’saħħitha u robusta.

Il-Kamra tal-Kummerġ Għawdxija qalet li tilqa’ b’mod pożittiv dan il-proġett tat-tieni fibre optic bejn Malta u Għawdex kif ukoll l-iffirmar ta’ ftehim bejn it-tliet operaturi tat-telekomunikazzjoni f’Malta.

Żiedu li matul is-snin l-Kamra tal-Kummerċ saħqet fuq l-importanza ta’ dan il-proġett u wiegħdu li se jibqgħu jassiguraw li se jibqa’ jkun hemm żviluppi fis-setturi ekonomiċi f’Għawdex.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li dan it-tieni fibre optic se jkun qiegħed jassigura iktar serħan il-moħħ għal dawk l-investituri li jkunu jixtiequ jinvestu fil-gżira Għawdxija u dan il-proġett se jikkumplimenta l-proġett tad-Digital Innovation Hub fix-Xewkija.