Inawgurat “Is-Sardinella”: ċentru ta’ matul il-jum għat-tfal f’San Ġwann

Dalgħodu ġie inawgurat iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Ħarsien tat-Tfal, “Is-Sardinella” f’San Ġwann.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina qalet li dan kien l-għaxar Child Care Centre li kien inawgurat tul din il-leġiżlatura. Qalet li faċilitajiet bħal dawn iservu biex it-tfal ikunu indukrati u edukati minn persuni professjonali u kwalifikati.

Fakkret li l-Gvern qed joffri inċentivi lil min iħaddem biex jinvesti f’faċilita ta’ child care fil-post tax-xogħol tiegħu għal ulied l-impjegati tiegħu. Żiedet li kull min jibgħat it-tfal f’child care centre privat qed igawdi minn tnaqqis ta’ €1300 mid-dħul taxxabbli. Il-Ministru qalet li aktar minn 2,300 ġenitur qed igawdu minn din l-iskema.