Inawgurat investiment ta’ €4m fil-lukanda Qawra Palace

Il-lukanda Qawra Palace reġgħet ġiet inawgurata, mill-Prim Ministru Joseph Muscat, wara proġett ta’ ristrutturar.
Fil-lukanda ġew investiti €4 miljun biex sar rinnovar estensiv fil-kmamar u fiż-żoni pubbliċi u s-servizzi kollha nkluż il-kċina.
Il-Prim Ministru qal li l-investiment fil-lukanda hu sinjal ta’ fiduċja fit-turiżmu u fil-potenzjal taż-żona ta’ San Pawl il-Baħar. Spjega kif l-investiment minn lukandi ewlenin f’Malta fl-aħħar tliet snin fisser investiment ta’ iktar minn €500 miljun.
Fl-istess ħin il-Prim Ministru spjega li fl-aħħar tliet snin, it-turisti li qagħdu f’lukandi fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar żdiedu b’iktar minn 15%, żdiedu wkoll l-iljieli tagħhom f’Malta bi kważi 10% u anke l-flus li ħallew fil-pajjiż, żdiedu b’21%.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern hu mpenjat li din iż-żona tkun mutur ekonomiku ieħor għal Malta. Irrefera għas-sena rekord fit-turiżmu u għad-deċiżjoni tal-Gvern li jippermetti l-bini ta’ iktar sulari minn lukandi. Spjega li l-istess Qawra Palace se żżid żewġ sulari oħra.
Ritratti: DOI – Omar Camilleri