Inawgurat il-VIP Terminal fl-ajruport

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu inawgura l-VIP terminal il-ġdid fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li issa hu miftuħ ukoll għall-passiġġieri ta’ ajruplani kummerċjali.
Din iż-żona tikkumplimenta l-Ministerial Lounge li qabel kien jintuża minn uffiċjali tal-Gvern biss.
Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ddeskriva l-investiment ta’ €450,000 bħala wieħed li jpoġġi lil Malta fuq quddiem nett fl-industrija tal-avjazzjoni.
Il-VIP Terminal jinsab qrib il-parkeġġ ewlieni tal-ajruplani. B’hekk jipprovdi aċċess aktar mgħaġġel u f’inqas distanza bejn il-passiġġier u t-titijira li tkun se titlaq jew se tinżel.
Minn hawn jistgħu jsiru l-proċeduri normali tal-ivvjaġġjar.
Minn meta ġie privatizzat, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta investa €59 miljun, eskluż Skyparks Business Centre.
Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ra żieda ta’ 7.2% fl-għadd ta’ passiġġieri fuq is-sena l-oħra, għal total ta’ 3.38 miljun passiġġier.