Inawgurat il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla

Waqt ċerimonja li saret fi Triq ix-Xatt f’Bormla, ġie inawgurat il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed li sar b’investiment ta’ €11-il miljun, bl-għajnuna tal-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Infrastruttura Joe Mizzi fil-preżenza fost l-oħrajn tal-Ministru Helena Dalli u s-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa.
Fid-diskorsi ntqal li speċjalment ir-residenti f’Bormla se jkollhom aċċess aħjar għax-xatt, b’landscaping ġdid u spazju miftuħ f’żona li qabel kienet magħluqa biċ-ċint.
L-għan oriġinali li għalih sar dan il-proġett kien li l-inħawi jingħataw dehra ġdida kif ukoll mezz li jgħaqqad it-tlett ibliet tal-Kottonera.
Id-diżinn u x-xogħlijiet ta’ dan il-proġett kienu bdew fi żmien il-Gvern preċedenti u l-fondi ġew allokati fl-2009.
Il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed huwa wieħed minn kullana ta’ proġetti oħra żgħar fosthom fi Pjazza Gavino Gulia, f’Xatt ir-Risq, San Ġwann t’Għuxa, ix-xatt tal-Isla, il-Maċina u ż-żewġ binijiet tad-djar tal-housing fil-Verdala u San Nikola.
Saru wkoll xogħlijiet oħra ta’ tisbiħ u rijabilitazzjoni fl-inħawi speċjalment f’Bormla fejn saru ġonna ġodda.
Il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed mistenni li jservi ta’ attrazzjoni lokali u turistika u bla dubju l-ikbar attrazzjoni fil-proġett se jkun il-pont li jgħaqqad l-Isla ma’ Bormla.
Dan il-pont tpoġġa fil-jiem li għaddew u huwa magħmul minn struttura tal-ħadid u twil 40 metru.
Fl-istess inħawi se tiġi stazzjonata l-Għassa l-ġdida tal-Pulizija ta’ Bormla, li se tiġi tiswa mat-€300,000 u li wkoll se ssir bl-għajnuna tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea. 

Ritratti: Daniel Mercieca, Alison Zerafa, Kunsill Lokali Bormla