Inawgurat il-proġett ta’ enerġija nadifa fil-Pixxina Nazzjonali

Ġie inawgurat uffiċjalment proġett li permezz tiegħu l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq ma tibqax tagħmel telf finanzjarju.
Il-proġett, bl-involviment ta’ iktar minn €1.15 miljun, se jwassal biex il-pixxina toħloq enerġija effiċjenti.
Il-proġett, inawgurat mis-Segretarji Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Ian Borg, u dak għall-Isport, Chris Agius, kien jinvolvi erba’ fażijiet.
Fih twaħħlu pompi biex jissaħħan l-ilma tal-pixxini, sistema ta’ arja kkundizzjonata għall-uffiċċji, sistema li tuża l-ilma mix-xemx biex issaħħan l-ilma għax-showers fil-kumpless, u covers apposta għaż-żewġ pixxini.
Waqt li feraħ lit-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo, li kien għadu kif rebaħ kontra t-Turkija, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius semma kif il-Gvern qed jagħti sostenn kbir lill-isport akkwatiku bil-bini ta’ pixxina f’Għawdex u pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li dan il-proġett gawda minn €400,000 mill-UE u li għall-ewwel darba se jkun hemm fond ta’ €5 miljun ta’ fondi Ewropej għall-iżvilupp ta’ infrastruttura sportiva f’żoni żvantaġġjati.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott