Inawgurat il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali

Ġie inawgurat il-padiljun tal-basketball f’Ta’ Qali b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, inawguraw il-proġett tal-Padiljun tal-Basketball.
B’dan l-investiment Malta għandha padiljun ta’ livell internazzjonali li mhux biss jospita logħob u tournaments ta’ livell nazzjonali iżda post li ser jintuża għal Loghob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li Malta ser tospita fl-2023.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa kburi li llum qiegħed jinawgura din ‘id-dar il-ġdida’ għall-isportivi tad-dixxiplina tal-basketball filwaqt li sostna li dan huwa proġett importanti għall-komunità sportiva b’mod ġenerali.
Il-Prim Ministru fisser kif il-kliem li jingħad dwar surplus ekonomiku u l-importanza tiegħu, illum qed narawh jissarraf fil-prattika billi qed naraw proġetti ta’ fejda jitwettqu, f’dan il-każ għall-isportivi tal-basketball.
X’xogħol sar fil-padiljun tal-basketball?

  • Il-ħitan kollha tal-madwar
  • Soqfa ġodda
  • Xogħol mad-dawra tal-art tal-Padiljun
  • Sistemi ta’ ventilazzjoni li tgħin fl-arja tal-post
  • Showers u toilets ġodda għal pubbliku b’attenzjoni wkoll għal persuni b’diżabbiltà
  • Imħażen ġodda għall-Assoċjazzjoni
  • Tarmac ġdid mad-dawra tal-post.