​Inawgurat il-Laboratorju għar-Riċerka Solari fl-Università ta’ Malta

Il-Laboratorju għar-Riċerka Solari fl-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli tal-Università ta’ Malta ġie inawgurat b’mod uffiċjali mir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, fil-preżenza tal-Professur Luciano Mulè Stagno, Direttur tal-Istitut u l-persuna wara l-ħolqien tal-Laboratorju għar-Riċerka Solari.
Il-Laboratorju għar-Riċerka Solari kien iddisinjat biex jiffoka b’mod ewlieni fuq riċerka dwar materjali li jintużaw għal ċelluli solari, u biex itejjeb u jiddisinja soluzzjonijiet għal difetti f’dawn l-istess materjali.
Titjib riċenti fis-sistemi fotovoltajċi qed iwessa’ l-limiti tal-materjali użati għal ċelluli solari u dan l-aħħar ħarġu materjali ġodda li huma promettenti ħafna iżda għad iridu jilħqu l-ogħla potenzjal tagħhom.
L-għan ta’ dan il-laboratorju hu li jirriċerka metodi biex jagħmilhom aktar effiċjenti.
Il-proġett, li jinsab f’bini li diġà kien jeżisti f’Marsaxlokk, jikkonsisti f’żewġ żoni għal-laboratorji u bini ieħor żgħir biex jintuża bħala sala tal-lekċers. 
L-ewwel laboratorju jikkonsisti fi kmamar separati li jinkludu mikroskopji għall-preparazzjoni ta’ kampjuni, l-ittestjar taċ-ċelluli solari, furnace room u wet chemistry area.
It-tieni laboratorju huwa laboratorju open plan fejn jinsabu l-biċċa l-kbira tal-għodod kbar.  Dawn ivarjaw minn għodda ddisinjata speċifikament għall-karatterizzazzjoni ta’ materjal semikonduttur, għodda għall-karatterizzazzjoni ta’ films irqaq jew ta’ uċuh, u għodda li għandha varjetà wiesgħa ta’ użu fil-karatterizzazzjoni ta’ materjali.