Inawgurat il-grawnd tas-Sirens u investiment f’indoor pitch għall-boċċi

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clyde Puli s-Sibt filgħodu inawgura uffiċjalment il-grawnd tal-football ta’ Sirens u saħaq li matul din il-leġiżlatura il-Gvern investa flimkien mal-għaqdiet sportivi biex jiżviluppaw il-faċilitajiet sportivi tagħhom. Fakkar li l-Gvern daħal bi sħab flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, biex bena aktar minn 40 grawnd tal-futbol li qed igawdu minnhom it-timijiet u t-tfal tan-nurseries.

F’attivita oħra, Puli żar ukoll ix-xogħlijiet li qed isiru fil-klabb tal-boċċi tat-Thalassalejn fejn qed jinbena l-ewwel pitch tal-boċċi indoor. Waqt din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari ppresieda l-iffirmar tal-kuntratti bejn il-Gvern u l-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi u l-Fondazzjoni Maltija tal-Judo. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi se tingħata art pubblika, flimkien ma’ pitch tal-boċċi fil-Marsa u għajnuna finanzjarja biex jiġi żviluppat f’kumpless tal-boċċi. F’dan il-ftehim ukoll, il-Gvern qed jassisti wkoll klabbs partikolari għall-iżvilupp tal-faċilitajiet tagħhom wara li fix-xhur li għaddew il-Gvern diġà għen lill-bosta klabbs tal-boċċi biex itejbu l-faċilitajiet tagħhom. Permezz ta’ ftehim separat, il-Gvern qiegħed jikkometti ruħu li jgħaddi proprjetà oħra lill-Judo f’Pembroke. Din tinsab biswit iż-żewġ proprjetajiet li ngħaddew lil dan l-isport f’Settembru 2011, filwaqt li l-Gvern se jalloka fondi biex tiġi żviluppata Akkademja u Istitut tal-Judo.