Inawgurat iċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta

Is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi hi u tibqa’ prijorità għall-Gvern. Dan sostnieh il-Prim Ministru Lawrence Gonzi hekk kif it-Tnejn filgħodu kien inawgurat iċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta.

Iċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta mhux biss joffri ambjent mill-aqwa għall-professjonisti imma wisq aktar joffri kura tal-ogħla kwalità lill-pazjenti li se jużaw is-servizzi ta’ dan iċ-ċentru.

Intqal li ċ-ċentru tas-saħħa issa hu mgħammar b’sala għall-interventi minuri u joffri numru ta’ servizzi ġodda. Sar investiment fit-teknoloġija sabiex ir-riżultati jkunu aċċessibbli lill-konsulenti u t-tobba f’Mater Dei.

Fl-inawgurazzjoni taċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, intqal li bl-investiment li sar fil-qasam tas-saħħa, llum il-ġurnata qed isiru medja ta’ 45,500 operazzjoni fis-sena, jiġifieri 13,000 aktar milli kienu jsiru fl-isptar San Luqa.

Ritratti: DOI – Reuben Piscopo