Inawgurat iċ-ċentru ta’ taħriġ marittimu MaritimeMT

Ilbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura ċ-ċentru ta’ taħriġ MaritimeMT f’Ħal Far. Dan iċ-ċentru se jkun qed jieħu t-taħriġ marittimu f’Malta f’livell ogħla.

Iċ-Chief Pilot Jesmond Mifsud spjega li b’dan l-investiment, iċ-ċentru MaritimeMT se jkun qed isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala wieħed mill-aqwa ċentri ta’ taħriġ marittimu fil-Mediterran u fl-Ewropa.

Din il-binja hija mifruxa fuq spazju ta’ 2,300m2 bil-forma tal-binja tkun dik ta’ vapur. Dan l-investiment sewa madwar €4 miljun ewro mill-Koperattiva Malta Maritime Pilots. F’dan il-bini se jkunu qed isiru korsijiet f’karrieri differenti li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-settur.

Dan l-investiment jinkludi wkoll aġġornament estensiv taż-żewġ Full Mission Bridge Simulators tad-ditta Olandiża Marin, investiment f’Liquefied Cargo Handling Simulator, GMDSS Simulator, laboratorju tal-ECDIS, u klassijiet speċjalizzati mgħammra b’dak kollu meħtieġ għal kull kors.

Il-Kaptan Jesmond Mifsud qal li permezz ta’ taħdidiet ma’ Trasport Malta u awtoritajiet oħra, qed jiġu analizzati korsijiet differenti biex jindirizzaw il-bżonnijiet f’din l-industrija. Semma wkoll li qed ikun hemm enfasi wkoll fl-industrija tas-super yachts.