Inawgurat iċ-Ċentru għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża

L-Università ta’ Malta u l-Università tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża ta’ Shanghai inawguraw iċ-Ċentru għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża fil-Kampus tal-Imsida tal-Università ta’ Malta.
Dan iċ-Ċentru jippermetti lil dawk il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, li rreġistraw bħala studenti u jiksbu ħiliet fil-prattika klinika.
Iċ-Ċentru għandu żewġ professjonisti kliniċi residenti, filwaqt li t-tagħlim f’Malta se jingħata minn bosta professuri mill-Università ta’ Shangai.
Din hija l-ewwel darba li din l-Università ngħaqdet ma’ università oħra u nediet kors barra miċ-Ċina.
Ġew milqugħa 14-il applikazzjoni għall-kors u eventwalment seba’ studenti ġew aċċettati mid-dixxiplini tal-Fiżjoterapija, tal-Qwiebel u tal-Infermiera.
Dawn bdew l-istudji tagħhom fil-bidu ta’ Ottubru b’lekċers fil-Kultura Tradizzjonali Ċiniża u fil-Fiżjoloġija tal-Uġigħ, waqt li s-Sessjonijiet tal-Agupuntura Klinika bdew xahar wara.
Iċ-Ċentru infetaħ uffiċjalment mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Juanito Camilleri u mill-Prof. Zhang Zhiqiang, Segretarju tal-Partit u President tal-Kunsill tal-Università ta’ Shangai fil-preżenza tal-Ambaxxatur Ċiniż.