Inawgurat ċentru bankarju ġdid tal-BOV f’Santa Venera

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

Ġie inawgurat ċentru bankarju ġdid tal-BOV f’Santa Venera. Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li wara li saret evalwazzjoni tar-riskji fis-setturi finanzjarji u setturi oħrajn tal-ekonomija, ġiet imfassla strateġija biex jissaħħu l-istituzzjonijiet regolatorji u ta’ superviżjoni tal-pajjiż u tkompli l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar illeċitu tat-terroriżmu.

Intant is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Silvio Schembri qal li dan iċ-ċentru se joffri post ideali biex il-klijent ikollu kuntatt dirett mal-bank tiegħu. Spjega li dan jista’ jagħmel differenza kbira għal dawk kollha li qed jużaw is-servizzi bankarji onlajn permezz ta’ websajts u apps.

Dwar id-diskors tal-Ewroparlamentari Sven Giegold li l-HSBC għandu jitlaq minn Malta, Schembri sostna li ma jimpressjonawhx diskorsi għall-gallerija u theddid fuq pajjiżna. Spjega li “kieku kellu jagħmel kampanja biex dan il-bank jitlaq minn Malta, għandu jibda kampanja biex jitilqu banek mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Italja, minn Spanja, mir-Renju Unit, mil-Latvja, mid-Danimarka”.

Fi stqarrija mill-Ministeru ntqal li l-Ministru Scicluna sostna li Malta qed tistenna li organizzazzjonijiet Ewropej ikunu ġusti mal-pajjiż u mhux jużaw lil Malta ta’ eżempju għal pajjiżi oħrajn fejn ġraw nuqqasijiet aktar gravi.