Inawgurata l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali

It-Tlieta l-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis flimkien mas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u mart il-Prim Ministru Lydia Abela, inawguraw l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali li tinsab fi Triq l-Ifran, il-Belt Valletta.

Din l-aġenzija ġiet stabbilita bl-Avviż Legali 414 tal-2014. Dan l-Avviż stabbilixxa l-funzjoni tal-aġenzija li tagħti sapport operazzjonali u amministrattiv lill-avukat tal-għajnuna legali li jmexxi l-aġenzija. L-għajnuna legali tingħata erbgħa u għoxrin siegħa kuljum ikun xi jkun il-każ kemm kriminali u anke ċivili. F’każijiet ċivili, persuna trid tkun eliġibbli għat-test tal-mezzi u kif ukoll minn dak tal-mertu tal-kwistjoni legali.

Il-ftuħ ta’ din l-Aġenzija huwa parti minn investiment ta’ aktar minn €1,400,000, dan l-investiment jinkludi l-kirja fuq medda ta’ għaxar snin, assigurazzjoni tal-binja u salarji tal-impjegati.

L-Aġenzija tal-Għajnuna Legali se tkun qiegħda timpjega madwar sitta u għoxrin avukat u sitt prokuraturi legali. Fost is-sitta u għoxrin avukat, ħa jkun hemm għoxrin li huma speċjalizzati fil-kamp kriminali u dak ċivili, tlieta li huma speċjalzzatti fil-qasam ta’ vjolenza domestika u tlieta li ħa jkunu allokatti f’Għawdex. L-Aġenzija ppubblikat sejħa, sabiex jiġu impjegati dawn il-professjonisti.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis saħaq fuq l-importanza ta’ dan is-servizz legali, u qal li huwa ferm importanti li kulħadd ikollu aċċess għar-rappreżentanza xierqa. Żied li dan huwa parti mill-proġett soċjali tal-Gvern, li jkompli jisħaq li kulħadd għandu jkollu l-mezzi xierqa għal kwalità ta’ ħajja aħjar mingħajr limitazzjoni.

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li huwa dmir il-Gvern li jara li l-liġijiet kollha jkunu b’saħħithom u li jipprotteġu lil min huwa vittma. Żied li l-liġi għandha tkun ibbażata biex tipproteġi lill-vittmi tal-vjolenza domestika u jinsab kburi li din l-aġenzija legali ħa jkollha nies speċjalizzati fil-qasam ta’ vjolenza domestika.

Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet li dan huwa servizz professjonali li permezz tiegħu flimkien mal-għajnuna tal-Appoġġ, u l-Pulizija se jkun assigurat li l-vittmi jkunu gwidati u mgħejjuna b’mod strutturat biex jingħataw l-aħjar servizzi fl-aktar żmien ta’ vulnerabbiltà. Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet li l-vjolenza domestika mhix kwistjoni li tissolva għall-kwiet bejn il-ħitan tad-dar imma hija kwistjoni tas-soċjetà kollha.

Lydia Abela qalet li din hija okkażjoni pożittiva fil-ġlieda ta’ Malta kontra l-vjolenza domestika. Spjegat li, “jiena li ġejja mill-professjoni legali, nista’ nifhem kemm il-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju tal-għajnuna legali, se jkun tabilħaqq qed jagħmel id-differenza”. Dr Abela appellat sabiex dawn is-sittax-il ġurnata ma jkunux sempliċiment ġranet li fihom infakkru u nitkellmu biss, imma ġranet li matulhom wieħed jikkummenta fuq l-azzjoni li ttieħdet fil-kumplament tas-sena sabiex din il-pjaga soċjali tkun eradikata.

Fid-diskors tagħhom il-kelliema appellaw sabiex il-vittmi jagħmlu kuntatt ma’ min verament jista’ jagħtihom gwida u assistenza professjonali bil-għan li jkollhom ħajja denja u li tixirqilhom.