Inaddfu l-baħar fix-Xemxija minn tyres, flixken tal-plastik, bramel u ħadid

Mario Cucciardi

Għexieren ta’ persuni fuq l-art u anke fil-baħar ingħaqdu fix-Xemxija sabiex flimkien inaddfu l-qiegħ tal-baħar mill-iskart mormi fih. Minn hemm tellgħu tyres tal-karozzi, mijiet ta’ flixken tal-plastik, bramel u anke gradilji tal-ħadid, fost skart ieħor.

L-avveniment li jġib l-isem ta’ Ocean Bed Clean Up wasal fir-raba edizzjoni tiegħu u jsir darba fis-sena. Hu organizzat minn QLZH Foundation, Wave of Change, Quick Lets u Zanzi Homes.

Il-voluntiera li kienu jinkludu kemm bugħaddasa, kif ukoll persuni fuq l-art, iltaqgħu fil-bajja tal-Fekruna fix-Xemxija fid-9.30am. Diversi bugħaddasa kienu ġejjin minn Bezz Diving Malta.

Wieħed mill-voluntiera li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li impressjona ruħu bl-għadd ta’ persuni li bi ħġarhom inġabru biex jgħinu f’dan it-tindif.

Newsbook.com.mt tkellem mal-għaqda Żibel li llum assistiet f’dan l-avveniment billi pprovdiet l-apparat neċessarju biex isir it-tindif u wkoll tat il-pariri tagħha dwar ix-xogħol li kien qed isir.

Min-naħa tagħha, l-NGO Żibel se tkun qed torganizza avveniment simili fl-1 ta’ Awwissu fejn anke qed tfittex voluntiera biex jgħinu fix-xogħol ta’ tindif. L-avveniment se jkun qed isir fil-bajja tal-Għażżenin. Il-kelliem għall-għaqda spjega li se jkunu qed jaċċettaw massimu ta’ 100 voluntier u kollha se jkunu qed jintalbu jħallu d-dettalji tagħhom bħala prevenzjoni minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tara baħar aktar nadif u tagħti s-sehem tiegħek, tista’ tara d-dettalji tal-avveniment li jmiss b’mod sħiħ minn hawn.