Inaċċettabli li ħaddiema tal-Gvern ixekklu l-ġurnalisti – IĠM

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qalu li huwa inaċċettabbli li xi ħadd, speċjalment ħaddiema tal-Gvern li suppost jimxu b’eżempju, jippruvaw iwaqqfu jew ixekklu lill-ġurnalist milli jiffilmja jew jirrapporta.

Fl-istess waqt, l-IĠM appella lill-awtoritajiet relevanti biex jinvestigaw l-inċident li seħħ aktar kmieni llum waranofsinhar fejn ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt ġie attakkat minn uffiċjal tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika billi ħadlu l-mowbajl minn idejh waqt li kien qed jiffilmja. Iktar tard, l-uffiċjal involut mar l-għassa jieħu l-affarijiet li ħallew l-attivisti. Kien hemmhekk li ltaqa’ mal-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt li kien qed jagħmel rapport. L-uffiċjal talbu skuża u qallu li billi żammlu idejh biex ma jieħux filmati u ritratti ma jqisux bħala attakk.

Fi stqarrija, l-IĠM ikkundanna dan l-aġir u sejjaħ biex jittieħdu l-passi dixxiplinari neċessarji u biex jiżguraw li dawn l-inċidenti ma jerġgħux iseħħu fil-futur.

Qalu li sfortunatament dan mhux xi każ iżolat għax mhux l-ewwel darba li l-ġurnalisti Maltin kienu mhedda u anki qalulhom biex iħassru l-filmati jew ritratti li jkunu ħadu. L-IĠM fakkar kif dan l-aġir m’għandux bażi legali u għalhekk il-ġurnalisti jistgħu legalment jiffilmjaw jew jieħdu ritratti ta’ dak kollu li jiġru fid-dominju pubbliku. Dan partikolarment f’każijiet fejn huwa neċessarju u ġustifikat għall-interess pubbliku.

STQARRIJA TAL-ISTITUT TAL-ĠURNALISTI MALTIN

L-Uffiċjal jgħid li kien qed jobdi l-ordnijiet

L-Uffiċjal tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika involut fil-każ, Maurice Spiteri, qal li hu kien qed jobdi l-ordnijiet li ngħatawlu. F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt huwa qal li “mhux sew tmur tagħmel il-ġurnata tax-xogħol tiegħek u tkun qed tobdi l-ordnijiet u tiġi mxandar bil-mod li ġejt jien”. Qal ukoll li f’ebda ħin ma ħebb għall-ġurnalist.

Il-mafkar ta’ Daphne se jkun mgħasses mal-lejl

L-attivisti li dalgħodu reġgħu poġġew lura l-mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia se jkunu qed jgħassu l-monument tal-Assedju l-Kbir matul il-lejl hekk kif huma sfaw ukoll vittmi tat-tindif li għamlu l-ħaddiem tad-Dipartiment għall-Indafa Pubblika.

Ħabbar dan fi stqarrija, il-blogger Manuel Delia li fi stqarrija qal li l-Pulizija aġixxew fuq rapport tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili iżda meta marru fuq il-post għall-ħabta tas-2pm ma sabu xejn illegali.Stqarr li l-Pulizija “ħallew kollox kif kien u telqu”.

Kienu l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika li neħħew il-mafkar iżda dawn, wara rapport lill-Pulizija rritornaw il-materjal tal-protesta fl-għassa tal-Belt Valletta. Delia jispjega li hu u flimkien ma’ attivisti oħra mar lura quddiem il-Qorti fejn issukktaw bil-protest tagħhom u se jkomplu jagħmlu dan fis-sigħat li ġejjin.

Occupy Justice fakkru fil-velja li se ssir għada fis-7pm f’għeluq il-11-il xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.