Inaċċettabbli li Muscat daqshekk qrib persuni akkużati b’assassinju – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa inaċċettbli li l-PM ikun daqshekk qrib persuni akkużati b’assassinju.

Fi stqarrija, il-PN irrefera għar-rigali “li jiswew eluf kbar ta’ ewro” li l-Prim Ministru Joseph Muscat rċieva mingħand l-allegat mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia skont kif irrappurtat fil-midja.

Din “hija xhieda tal-qrubija li teżisti bejn l-istess Prim Ministru u ċirku ta’ persuni kriminali, li spiċċaw biex ħatfu Kastilja. Rigali, arloġġi u inbejjed b’uħud minnhom bi ħsieb jew personalizzati, li juru li saru b’intenzjoni u b’mod li juru biċ-ċar tal-qrubija personali u ħbiberija,” qal il-PN.

Il-PN qal li mhux aċċettabbli l-anqas li “l-eks ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kien involut fl-istess ħbiberiji li kif żvelat il-midja l-intenzjonijiet kienu li jakkwista eluf kbar kuljum mill-kumpanija 17 Black tal-mandant tal-assassinju minn wara dahar il-poplu.”

 Dan kollu jerġa’ jikkonferma li Joseph Muscat jrid jitlaq immedjatament skont il-PN.

 Delia għandu xi jwieġeb jekk irid jitkellem fuq rabtiet ma’ persuni investigati – PL

Il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu mistoqsijiet kbar li għandu jwieġeb jekk irid jitkellem dwar relazzjonijiet ma’ persuni investigati.

F’reazzjoni għall-istqarrija tal-PN, il-PL qal li “kuntrarjament għal ħaddiehor, il-Prim Ministru dejjem mexa b’kollaborazzjoni sħiħa mas-servizzi tas-sigurtà.”

Il-PL qal li l-PN jagħmel sewwa “jekk jara sew is-sitwazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u ta’ membri prominenti fi ħdanu qabel jitfa’ akkużi dwar il-Prim Ministru.”

Din il-ġimgħa l-Kummissarju tal-Istandards intalab jiftaħ investigazzjoni dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat li allegatament irċieva arloġġ li jiswa €20,000 bħala rigal mingħand Yorgen Fenech. Fenech jinsab akkużat li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-NGO għas-Saltna tad-Dritt (Rule of Law) Repubblika ssottomettiet rapport tal-pulizija tiddenunzja lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar allegata korruzzjoni, tixħim u kunflitt ta’ interess.