“Il-ferita se tibqa’ miftuħa jekk il-Gvern iwaqqaf l-inkjesta” – Omtzigt

Aġġornat 07:28 PM

Read in English.

Pieter Omtzigt, ir-Rapporteur għall-Kunsill tal-Ewropa fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li l-kapitlu fuq il-korruzzjoni u l-impunità f’Malta mhux se jingħalaq sakemm issir ġustizzja.

Sostna li jekk il-Gvern jiddeċiedi li jwaqqaf l-inkjesta pubblika, il-ferita se tibqa’ miftuħa, il-kapitlu jibqa’ miftuħ.

Huwa kien qed jirreaġixxi għal dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista llum. Abela qal li s-seduti tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandhom isiru kuljum jekk hemm bżonn. Huwa insista li dan l-episodju għandu jingħalaq. Abela qal li r-rimunerazzjoni li qed tingħata lit-tliet imħallfin li jiffurmaw il-Bord tal-Inkjesta mhix ftit, u għalhekk, issuġġerixxa li l-Bord jiltaqa’ aktar ta’ sikwit minn darbtejn fil-ġimgħa għal ftit sigħat. 

Dan diġà qalu l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield din il-ġimgħa. Huwa qal ukoll li l-inkjesta qed tiġi politiċizzata.

“Inaċċettabbli li l-Gvern jindaħal fl-inkjesta” – Repubblika

L-għaqda Repubblika tenniet li hu inaċċettabbli li l-Gvern jindaħal fl-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija qasira maħruġa b’reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru dalgħodu, Repubblika qalet li mhix se tippermetti tfixkil u ndħil mill-Gvern. Sostniet li l-inkjesta biss tista’ tiddeċiedi b’mod indipendenti li tkun semgħet biżżejjed.

Dan l-aħħar il-PM ġie kritikat għaliex hu ta ċans sal-15 ta’ Diċembru biex tintemm l-inkjesta pubblika li għandha l-għan tara jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u kif aġixxa l-Istat wara l-qtil. Huwa ġie kkritikat minn Pieter Omtzigt li insista li l-PM jew il-Gvern m’għandhomx jindaħlu f’din l-inkjesta indipendenti.

Il-Prim Ministru llum sostna li hu mhux se jindaħal fl-andament tal-inkjesta.

Din il-ġimgħa, Repubblika organizzat protesta quddiem Kastilja li fiha poġġiet immaġni ta’ xadini fuq it-taraġ tal-berġa, li kienu jissimbolizzaw lill-ministri li jagħlqu għajnejhom, widnejhom u ħalqhom għal dak li jiġri madwarhom. Fi stqarrija maħruġa wara l-protesta, Repubblika qalet li din l-inkjesta “qed tikxef ftit mill-ħafna li l-Ministri tiegħu [ta’ Abela] żammu mistur.” Akkużat lil Abela li jrid isikket l-inkjesta biex ħadd ma jkun jaf il-verità.

Il-Partit Laburista irreaġixxa għall-protesta billi qal li l-Gvern irid li ssir ġustizzja fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u hu għalhekk li qed issir inkjesta pubblika għall-ewwel darba quddiem tliet imħallfin li kien hemm qbil dwarhom mal-familja tal-vittma.