“Inaċċettabbli li l-familji li ħallsu għal qabar fl-Addolorata għadhom jistennew” – MDA

Ritratt: Miguela Xuereb

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) qed tħeġġeġ lill-Gvern jieqaf jipprokrastina u jsib soluzzjoni għad-dewmien biex jiġi estiż iċ-ċimiterju tal-Addolorata. Dan wara li diversi familji ħallsu depożiti kbar lill-awtoritajiet biex jiksbu qabar tal-familja.

Fi stqarrija dalgħodu, l-MDA qalet li rċiviet ħafna lmenti mingħand familji li tliet snin ilu ntalbu jiffirmaw konvenju għax-xiri ta’ qabar ġdid. Kellhom iħallsu depożitu ta’ madwar €4,000 għal kull qabar.

L-Assoċjazzjoni qalet li hu inaċċettabbli li għaddew xhur minn meta kellhom jaslu dawn l-oqbra, u jidher li m’hemmx tmiem għal dan. Qalet ukoll li l-familji qed jintalbu jestendu l-konvenju aktar.

Żiedet tgħid li l-familji għamlu ħafna sagrifiċċji biex jakkwistaw dawn l-oqbra, u l-Gvern jeħtieġ li jagħti eżempju u jżomm mal-wegħdiet tiegħu mingħajr aktar dewmien.

Aktar kmieni din is-sena, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li sa dak il-perjodu kienu ġew iffirmati total ta’ 1,520 konvenju dwar xiri ta’ oqbra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata. Fearne ħabbar li x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-estensjoni taċ-ċimiterju qiegħed fi stadju avvanzat u dalwaqt jibdew isiru l-ewwel kuntratti.

Fl-aħħar tal-2018, Fearne kien ħabbar li l-konsorzju magħżul għall-proġett ta’ estensjoni u bini ta’ aktar oqbra fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, Campo-Santo, għandu pjanijiet li jlesti l-estensjoni tal-oqbra sa massimu ta’ 36 xahar. Fearne kien qal li permezz tal-estensjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata se jinbnew 2,800 qabar ġdid.

Dawk interessati li jixtru qabar kellhom jingħataw ċans sat-30 ta’ Novembru ta’ din is-sena.

L-MDA qalet li beħsiebha tkompli ssegwi l-każ, u wissiet li se titlob għal kumpens f’isem il-familji jekk il-Gvern jibqa’ jipprokrastina fuq l-affari.