“Inaċċettabbli li l-Awtorità tad-Djar tista’ tidħol f’dar privata” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Miguela Xuereb

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li hija diżappuntata bir-riforma tal-kera proposta mill-Gvern, peress li dak propost fl-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali huwa ‘l bogħod mill-oġġettivi li oriġinarjament kellu jkollha l-White Paper tas-suq tal-kera. Il-President David Xuereb iddeskriva r-riforma proposta bħala pjan sporadiku u mhux olistiku, minkejja d-diskussjonijiet u l-proposti li ressqet il-Kamra stess tul l-aħħar 12-il sena. Skont il-Kamra, fl-Att hemm numru ta’ lakuni u anke klawżoli “inaċċettabbli,” fosthom illi ċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar jew persuna nnominata minnu jistgħu jidħlu fi kwalunkwe fond privat biex jispezzjonawh u jieħdu r-ritratti, irrispettivament jekk il-fond huwiex suġġett għall-kiri jew le.

Aqra: Riforma kera: Il-kirjiet jinkrew għal tal-inqas sena

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ, il-President  qal li huma persważi li din il-klawżola hija żball, għax jekk mhijiex, tkun inkwetanti ħafna. Reginald Fava, l-eks President tal-Kamra u membru fil-Kunsill qal li b’dan l-att, tkun qed tinkiser il-Kostituzzjoni, peress li din tiggarantixxi l-privatezza lill-persuni f’darhom.

“Kirjiet bejn 6 xhur u sena mhux indirizzati”

Kunċett ġdid ieħor li l-Kamra ma qablitx miegħu huwa li l-abbozz tal-liġi jipproponi li jiġi impost limitu għaż-żidiet fir-rati tal-kirjiet għal massimu ta’ 5% fis-sema, imma tonqos milli tintroduċi miżuri ta’ tranżizzjoni fuq iż-żidiet tar-rati tal-kirjiet bejn il-preżent u d-data li fiha l-kirjiet residenzjali jridu jiġu rreġistrati. Barra minn hekk, l-abbozz jiddistingwi bejn il-kuntratti għal kirjiet short term u dawk long term, u b’hekk jitħallew barra l-kirjiet ta’ bejn sitt xhur u sena. Punt ieħor imressaq mill-Kamra huwa li minkejja li sid il-kera għandu inċentiv fiskali għal kirjiet long term, tagħti lill-kerrej il-fakultà li jirtira minn kirjiet long term, b’avviż relattivament qasir, u dan iġib fix-xejn il-ftehim bejn iż-żewġ partijiet.

Aqra: Aġġornata: Riforma kera: Tgħaddi mit-2ni qari; “Ma tindirizzax kera għolja wisq” – NGOs

“L-inġustizzji fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 tħallew barra”

Apparti dan, il-President iddeskriva kmamar maqsumin bejn il-kerrejja “s-sors tal-problema ta’ affordabbiltà ta’ kirja.” Dan il-kunċett, skont il-Kamra, tħalla barra kompletament mir-riforma tal-kera. Qalu li s-sitwazzjoni f’Malta hija l-kamra tinqasam “ġieli aktar milli jkun hemm saqqijiet u mħaded” u dan joħloq problema għas-saħħa, is-sigurtà u l-liġijiet sanitarji jinkisru. B’dan il-mod, skont il-Kamra, jiġi ddegradat il-valur tal-propjetà.

Aqra: “Id-deċiżjonijiet tal-kera mhux se jogħġbu lil kulħadd” – Muscat

Il-Kamra tal-Kummerċ identifikat lakuna oħra dwar il-kirjiet ta’ qabel l-1995 li mhumiex indirizzati. Insistew li l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fuq l-“inġustizzji” f’dawn il-kirjiet ilhom jisħqu fuqha ma’ diversi amministrazzjonijiet, iżda għadha ma ttiħditx azzjoni. Reginald Fava ddeskriva dawn il-kirjiet bħala “ġerħa fuq pajjiżna.”

Għaldaqstant, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li tistenna li r-riforma tal-kera terġa’ tiġi diskussa sabiex isirulha xi tibdiliet neċessarji, peress li l-Kamra stenniet li din ir-riforma tibda ssolvi l-problemi tal-kera f’Malta, xi ħaġa li kif inhi proposta bħalissa, m’għamlitx.

Filmat: Miguela Xuereb