“Inaċċettabbli li jgħixu fil-biża’ għax joqogħdu ħdejn sit ta’ kostruzzjoni” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa inaċċettabbli li hawn nies li jgħixu fil-biża’ minn jum għall-ieħor għax joqogħdu maġenb sit tal-kostruzzjoni. Is-sentiment tal-poplu Malti bħalissa, qal il-PN, huwa li hemm siti oħrajn li jistgħu jwasslu għal inċidenti u fatalitajiet.

Dan il-kliem qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa li kellu mal-Kamra tal-Periti fil-Parlament, wara li nhar it-Tnejn li għadda, Miriam Pace ta’ 54 sena tilfet ħajjitha meta ġġarrfet darha fil-Ħamrun. Illum Miriam ingħatat l-aħħar tislima f’bażilika ppakkjata tant li għadd ta’ nies kellhom jisimgħu l-quddiesa tal-funeral minn barra.

Delia saħaq mal-periti li r-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni li saret taħt il-Ministru Ian Borg ma rnexxietx. Skontu, din tant kienet falliment, li l-Prim Ministru Robert Abela ħatar Kumitat Tekniku biex jagħmel riforma tar-riforma. Il-Kamra tal-Periti qalet li x-xogħol li nħatar il-Kumitat biex iwettaq diġà għamlitu hi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li, “Hija ħasra li filwaqt li qed tinħass l-urġenza għar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Kumitat, Robert Abela ma tax skadenza meta dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu lesti. Huwa qal li pajjiżna mhux skużi għandu bżonn iżda ġustizzja u soluzzjonijiet immedjati. Dan meta jirriżulta li hawn nuqqas ta’ infurzar li qed iwassal għal aktar abbuż u nuqqas ta’ ħarsien tas-siġurtà tal-ġirien li joqogħdu qrib siti tal-kostruzzjoni u tal-ħaddiema li jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.”

Huwa stqarr li min-naħa tal-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jwassal l-aqwa rakkomandazzjonijiet u proposti għas-settur tal-kostruzzjoni u se jinsisti li l-proposti leġiżlattivi u miżuri sabiex jissaħħaħ l-infurzar biex jinqata’ l-abbuż jiddaħħlu minnufih.

Il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker insistiet li l-industrija kollha għandha tort għaliex ħalliet li l-affarijiet jaslu sa dan il-punt. Hija qalet li hemm bżonn ta’ riforma għall-industrija. F’Mejju tas-sena li għaddiet, il-Kamra tal-Periti kienet ipproponiet qafas b’riforma kif is-settur tal-bini u tal-kostruzzjoni jista’ jitjieb permezz ta’ dokument li ġie diskuss mal-istakeholders ewlenin. Simone Vella Lenicker qalet li qed tistenna li l-Kumitat Tekniku li ħatar il-Prim Ministru jikkunsidra l-proposti tal-Kamra tal-Periti.