Inaċċettabbli li Ħal Ferħ jintuża għal żvilupp residenzjali – KA

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) insistiet li huwa inaċċettabbli li jsir ċertu tibdil fil-policies bħalma l-Gvern qed ifittex li jemenda l-pjan lokali għall-Majjistral ta’ Malta u d-development brief għal Ħal Ferħ sabiex l-art tkun tista’ tiġi użata għal żvilupp residenzjali.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-KA kellha kliem ta’ tifħir għall-aġir tal-Ministeru għall-Ambjent u l-Ippjanar s’issa. Uriet is-sodisfazzjon tagħha għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li Villa Frère fi Gwardamanġa tingħata l-ogħla grad ta’ protezzjoni. Daqstant ieħor ta’ min ifaħħar, qalet il-KA, il-ħruġ ta’ linji gwida bil-ħsieb li tingħata attenzjoni akbar lill-binjiet skedati u monumenti meta jkunu qed jiġu proċessati applikazzjonijiet għal żvilupp qribhom. Il-KA stqarret li tittama li l-ispirtu ta’ dawn il-linji gwida ma jkunx imminat mill-membri tal-kummissjonijiet li jiddeċiedu fuq l-applikazzjonijiet ta’ żvilupp.

Madankollu sostniet, li jekk il-Ministeru jixtieq li kull żvilupp isir bil-għaqal u b’mod sostenibbli, jeħtieġ li jkun hemm ippjanar aktar intelliġenti. Issoktat tgħid li hu ta’ ħasra li għadu jiġi propost tibdil fi pjani ta’ żvilupp jew policies, għax dan juri nuqqas ta’ serjetà u impenn lejn żvilupp bil-għaqal.

F’Mejju, International Hotel Investment ħabbret pjanijiet ġodda għaż-żona ta’ Ħal Ferħ qrib Għajn Tuffieħa, li jinkludu lukanda u spa, flimkien ma’ vilel u bungalows. Il-kumpanija akkwistat is-sit mingħand il-Gvern fl-2015. Fl-2013, kien ġie approvat l-iżvilupp ta’ kumpless li jinkludi reception area, restorants u spazju ta’ parkeġġ għal 293 karozza. Il-kappella kellha tinżamm u tiġi restawrata.

Ir-raġuni ewlenija tal-KA għall-oġġezzjoni tagħha dwar Ħal Ferħ hija li fis-sit kapaċi jsir investiment esklussivament turistiku li jkun ta’ kwalità u li jkun irendi mingħajr il-ħtieġa li jsir bini residenzjali fih. Stqarret li prattiċi ta’ din ix-xorta jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-interessi tal-entitajiet kummerċjali li jkollhom art mogħtija lilhom b’konċessjoni mill-Gvern jiġu qabel id-dmir li tiġi mħarsa l-infrastruttura turistika tal-pajjiż.

L-istqarrija tkompli tgħid, “Fuq kollox, jekk din it-talba tal-Gvern tintlaqa’, tkun qed iġġib fix-xejn kull dikjarazzjoni li jagħmel l-istess Gvern li ż-żoni tal-iżvilupp mhumiex qegħdin jiġu estiżi. Dan għaliex waqt li l-estensjoni tal-linji tal-iżvilupp għal bini residenzjali ma tkunx tidher li qed issir fuq il-karta, fil-verità dan xorta jkompli jsir meta jiġi permess żvilupp residenzjali f’żoni li qatt ma kienu indikati għal tali żvilupp. Dan isir permezz ta’ policies, bħar-Rural Policy and Design Guidance li tippermetti li titla’ binja residenzjali flok borġ ġebel fil-kampanja, jew permezz ta’ tibdil fil-pjani ta’ żvilupp bħalma qed jitlob il-Gvern fil-każ ta’ Ħal Ferħ.”

Il-KA wasslet l-oġġezzjoni tagħha għal din it-talba tal-Gvern waqt l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika li sar biex jiġi rivedut il-Pjan Lokali għall-Majjistral u l-iżvilupp f’Ħal Ferħ. Fl-oġġezzjoni li għamlet, il-KA ħeġġet lill-Gvern biex jara li l-iżvilupp li jsir fil-pajjiż kollu, u mhux biss f’Ħal Ferħ, ikun riżultat ta’ ppjanar intelliġenti li jħares il-patrimonju mibni u naturali ta’ Malta fiż-żminijiet ta’ wara l-pandemija tal-Covid-19.